Id-deputati Nazzjonalisti David Agius u Robert Arrigo nħatru Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista.
David Agius inħatar Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament waqt li Robert Arrigo nħatar Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit. Huma ħadu l-karigi tal-eks Viċi Kapijiet tal-PN Mario Demarco u Beppe Fenech Adami rispettivament.
Fl-elezzjoni tas-Sibt ivvotaw 10,785 tesserat mit-18,000 li kienu eleġibbli li jixħtu l-vot tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet li fihom terz tat-tesserati ma’ ġabrux il-vot tagħhom. Agius kiseb 54% tal-voti mixtħuta biex għeleb lid-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo. Robert Arrigo kiseb 85% tal-voti u għeleb lid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina. Fiż-żewġ elezzjonijiet kien hemm 140 tesserat li invalidaw il-vot tagħhom.
Tul il-kampanja tiegħu għall-kariga ta’ Viċi Kap, id-deputat Nazzjonalista Robert Arrigo ppropona fost oħrajn li jiftaħ id-Dar Ċentrali għall-quddies nhar ta’ Sibt u Ħadd u għall-yoga u line dancing għaż-żgħażagħ li se jkunu qed jivvotaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss wara li jagħtihom tessera b’xejn sakemm jagħlqu t-18-il sena. Huwa qal ukoll li se jkun qed jaħdem biex jirbaħ il-Gvern imqarr b’banketta bħalma għamel fl-2008, basta fi kliemu jidħlu fil-Gvern.
Intant, b’reazzjoni għar-riżultat, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li mir-riżultat se jara x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih li jaħdem fiha.