Il-Katakombi ta’ San Pawl intużaw bħala post spiritwali u ċimiterju mill-perjodu Feniċju sa dak Biżantin.
Matul iż-żmien ġew skoperti sigrieti dwar soċjetajiet li wżaw dan is-sit għal dawn l-aħħar 2400 sena, iżda ssa r-riċerka qegħda tikxef ukoll tagħrif dwar individwi li ndifnu fil-Katakombi ta’ San Pawl matul id-900 sena li dan is-sit intuża bħala ċimiterju.
Għal dan il-għan Heritage Malta b’kollaborazzjoni ma’ Thought3D bniet replika 3D ta’ kranju li nstab waqt l-iskavi fis-sit bejn l-2010 u l-2014.
Il-kranju li ġie studjat jippartjieni għall-iskeletru numru 248. Dan l-iskeletru kien ta’ xebba li b’mod misterjuż indifnet fix-xaft tal-qabar 15 minflok fil-qabar normali. L-iskeletru nstab intatt minn qaddu ‘l fuq bil-bqija tal-għadam imrekken fis-saffi ta’ fuq l-iskeletru. Dan juri li wara d-difna kien hemm xi ħadd li ried jaċċessa l-kamra tad-dfin li x-xaft kien jagħti aċċess għaliha.
Madankollu, l-arkejologi li skavaw is-sit irnexxielhom jirkupraw ħafna mill-għadam kif ukoll numru ta’ artefatti li ndifnu ma’ din it-tfajla. Dawn kienu jinkludu ċeramika, pendent żgħir tal-ħġieġ f’forma ta’ wiċċ uman, splengun tax-xagħar magħmul mill-għadam u flixkun żgħir tal-fwieħa li nstab ħdejn wiċċha.
Heritage Malta bil-kollaborazzjoni ma’ Thought3D, stampaw replika 3D tal-kranju ta’ din it-tfajla biex b’hekk jintefa’ iktar dawl dwar din ix-xebba u l-persuni ta’ dik l-epoka midfunin fil-Katakombi ta’ San Pawl madwar 2000 sena ilu.
L-iskeletru oriġinali u l-artefatti li ndifnu ma’ din ix-xebba jinsabu esebiti fil-Katakombi ta’ San Pawl.
Għal iktar tagħrif dwar il-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta żuru l-website, www.heritagemalta.org