Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja tal-investitura tal-midalja tad-deheb Ġieħ l-Akkademja tal-Malti, li din is-sena ngħatat lil Monsinjur Lawrenz Cachia, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Ta’ kull sena l-Akkademja tal-Malti tonora b’midalja tad-deheb lil dik il-persuna li tul ħajjitha tkun ħadmet bis-sħiħ u tat kontribut eċċezzjonali biex jiżdied l-interess fl-ilsien Malti u l-letteratura tiegħu.
Monsinjur Lawrenz Cachia twieled Ħaż-Żebbuġ fl-1932. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo (tal-Ħamrun u tal-Belt) u aktar tard fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-liċenzjat fit-Teoloġija. Beda l-quddiesa fl-1956 u għamel id-dmirijiet pastorali tiegħu bħala kappillan tal-Gudja (1959–1963) u bħala arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ (1963–1983). Fl-1984 inħatar membru tat-Tribunal taż-Żwiġijiet, kariga li baqa’ jżomm għal 22 sena sħaħ sas-sena 2006. Fl-1994 ingħata t-titlu ta’ monsinjur bħala membru tal-Kapitlu tal-Katidral. Illum hu rtirat fid-Dar tal-Kleru fejn daħal 16-il sena ilu.