Il-Berġa ta’ Kastilja ser tinxtgħel b’dawl aħmar bħala solidarjetà ma’ ħutna ppersegwitati li xerrdu demmhom u mietu martri għat-twemmin tagħhom.
L-Onor. Prim Ministru Dr. Joseph Muscat, ta l-approvazzjoni biex il-Berġa ta’ Kastilja tinxtgħel b’dawl aħmar għada, il-Ġimgħa, 17 ta’ Novembru mis-7.00pm sal-11.00pm bħala solidarjetà ma’ ħutna ppersegwitati li xerrdu demmhom u mietu martri għat-twemmin tagħhom.
Din il-mexgħela ser issir fl-istess ġurnata tat-tnedija f’Malta tar-Rapport Persecuted and Forgotten? A Report on Christians oppressed for their Faith 2015-17 ippubblikat mill-Fondazzjoni Pontifiċja Internazzjonali ta’ Karità Aid to the Church in Need. It-tnedija tar-Rapport f’Malta ser issir fil-Knisja tal-Bon Pastur, Ħal Balzan fl-4.00pm.
Ir-Rapport jiżvela li l-persekuzzjoni tal-Kristjani laħqet l-ogħla livelli storiċi, b’attakki dejjem akbar fuq il-fidili minn gvernijiet u gruppi fundamentalisti bħall-ISIS u l-Boko Haram. Dan ir-Rapport jiddeskrivi l-Kristjaneżmu bħala “l-akbar komunità reliġjuża ppersegwitata fid-dinja” u jiddikjara li l-persekuzzjoni kontra l-Kristjani fl-agħar reġjuni laħqet “quċċata ġdida” u l-impatt tagħha “beda jinħass issa fl-orrur kollu tiegħu.”
Il-mixgħela tal-Berġa ta’ Kastilja hija parti minn kampanja mifruxa mal-Ewropa li bdiet l-Aid to the Church in Need sabiex turi solidarjetà mal-vittmi ta’ mibgħeda reliġjuża madwar id-dinja u b’hekk tkompli tqajjem aktar kuxjenza dwar il-persekuzzjoni reliġjuża. L-għan huwa li l-Aid to the Church in Need trawwem il-libertà u t-tolleranza reliġjuża fis-soċjetà, tħeġġeġ lil kulħadd biex juri solidarjetà mal-vittmi tal-persekuzzjoni, u topponi l-vjolenza u l-oppressjoni mwettqa f’isem ir-reliġjon.
Din is-sena, nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Novembru, gruppi Kristjani fir-Renju Unit ħadu sehem ukoll f’din l-inizjattiva fejn 30 katidral, knejjes, universitajiet u skejjel inxtgħelu b’dawl aħmar. Il-Funtana ta’ Trevi f’Ruma, it-Torri Eiffel fi Franza, l-Istatwa tar-Redentur fil-Brażil u Bieb il-Bombi f’Malta wkoll iddawlu b’dawl aħmar qabel.
John Pontifex, l-editur tar-rapport, qal li l-bini mdawwal b’dawl aħmar jirrappreżenta “opportunità għalina lkoll biex niftakru li hemm eluf ta’ nies, mhux biss Kristjani imma wkoll nies ta’ reliġjonijiet oħra, li nqatlu jew qed jiġu ppersegwitati minħabba l-fidi li jħaddnu.”
L-istudju sħiħ tar-Rapport tal-Aid to the Church in Need; Persecuted and Forgotten? A Report on Christians oppressed for their Faith 2015-17 jinsab disponibbli onlajn fuq www.acnmalta.org/persecuted