Il-Kunsill il-ġdid ta' BirdLife Malta jiltaqa' mal-President | One News

Notifiki

Il-Kunsill il-ġdid ta’ BirdLife Malta jiltaqa’ mal-President

Nhar it-Tlieta li għadda l-Kunsill il-ġdid ta’ BirdLife Malta mmexxi mill-President Darryl Grima flimkien mas-CEO Mark Sultana iltaqa’ mal-President tal-Malta Marie-Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta’ San Anton.

Barra li ġew spjegati l-missjoni u l-istrateġija ta’ BirdLife Malta fis-snin li ġejjin, id-diskussjoni matul din iż-żjara ta’ korteżija ffokat fuq il-programmi edukattivi u l-ħidma li l-organizzazjoni tagħmel b’mod partikolari mat-tfal tal-iskola permezz tal-programm ‘Dinja Waħda’.

Inċidentalment iż-żjara saret biss jum qabel iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-programm Dinja Waħda fl-iskejjel primarji għas-sena skolastika li għaddiet, li saret ilbieraħ fir-Riżerva Naturali tas-Salina.

Id-delegazzjoni ta’ BirdLife Malta spjegat lill-Eċċellenza Tagħha l-ħtieġa li jkun hawn aktar riċerka dwar il-benefiċċji li t-tfal ikunu qrib tan-natura u kif jistgħu jaħdmu flimkien mal-Fondazzjoni tal-President għall-Benesseri tas-Soċjetà.

BirdLife Malta ppreżentat ukoll l-aħħar pubblikazzjoni tagħha ‘L-Istorja ta’ l-Ornitoloġija f’Malta’ flimkien ma’ materjal edukattiv ieħor lill-President.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend