Mija u ħamsin student minn skejjel sekondarji f’Malta u Għawdex ħadu sehem f’workshops li saru matul il-jum tal-Ħamis bħala parti mill-konferenza li ġġib l-isem ta’ ‘Budding Rockstars‘.
Din il-konferenza ttelgħet għat-tielet sena konsekuttiva bil-għan li żżid l-għarfien dwar l-intraprenditorija fost studenti żgħażagħ li jibbrillaw fis-suġġetti tat-Teknoloġija u l-Matematika.
Il-konferenza hija frott kollaborazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni u l-Edward De Bono Institute fl-Università ta’ Malta.
Wara li jsiru xi preżentazzjonijiet mill-intraprendituri nfushom, l-istudenti jingħataw taħriġ fil-ħsieb kreattiv biex joħorġu b’ideat innovattivi li eventwalment jistgħu jiġu żviluppati fi proġetti tanġibbli.
Intant, waqt żjara mis-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri, iż-żgħażagħ kienu mħeġġa jressqu ‘l quddiem l-ideat tagħhom u ma jibżgħux ikunu kreattivi.