Żmien il-Milied iġib miegħu ferħ fost it-tfal, li fl-okkażjoni ta’ din il-festa jkunu jinsabu ħerqana jistennew rigal mill-qraba tagħhom.
Iżda din ix-xorti ma tmissx lit-tfal kollha bl-istess mod.
Bil-għan li dan il-Milied tnissel tbissima fuq tfal vulnerabbli, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali nediet il-kampanja “Children’s Dream”, bit-tema – ‘B’rigal, tista’ tagħti Milied imsaħħar lil tfal fil-bżonn.’
Inizjattiva li qed isir għal ħames sena konsekuttiva, fejn matul is-sena li għaddiet elfejn u mitt tifel u tifla rċivew ir-rigal li xtaqu, grazzi għall-ġenerozità tal-pubbliku u kumpaniji lokali.
Il-moħħ wara din l-idea hija Lina Pecorella mara mill-Litwanja, fejn isir proġett simili bħal dan. Fissret il-ferħ u l-emozzjoni li tħoss fil-Milied x’ħin tara lil dawn it-tfal jirċievu rigal. Hekk kif ġest bħal dan joħloqilha tbissima.
Din is-sena elf seba mija wieħed u erbgħin tifel u tifla bdew jiktbu ix-xewqat tagħhom fuq is-sit elettroniku childrendreams.org
Rigali li jvarjaw minn ħwejjeġ għal logħob u kotba. Iżda tfal oħra użaw din l-inizjattiva biex jaħsbu għall-qraba tagħhom u talbu kupun mis-supermarket biex jixtru bżonnijiet għad-dar.
Remenda Borg Grech, Operations Manager fl-Aġenzija Appoġġ, fissret kif bil-ġenerozità tal-pubbliku u tal-kumpaniji, it-tfal jista’ jkollhom Milied mill-isbaħ. Dan hekk kif oġġett żgħir jaf jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ dawn iċ-ċkejknin.
L-inizjativa Children’s Dream tnediet fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon.
Il-Ministru fisser kif il-Gvern huwa impenjat li jkompli joffri aktar d-dinjità lit-tfal. Għaldaqstant, il-ġimgħa li ġejja l-gvern se jniedi l-politika għat-tfal.
Intant, nhar il-ġimgħa fl-awditorium ta’ Santa Agatha Rabat se jittellgħa kunċert għat-tfal , bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.