Żvelati is-sbatax-il deputat Nazzjonalista li lesti jisfiduċjaw lill-Kap Adrian Delia.
L-ismijiet tad-deputati huma miktuba fuq karta li saħansitra waslet għand Adrian Delia u waslet ukoll għand il-gazzetta KullĦadd.
Il-gazzetta Kullħadd żvelat kif id-deputati li lesti jisfiduċjaw lil Delia huma Karol Aquilina, Frederick Azzopardi, Jason Azzopardi, Ivan Bartolo, Simon Busuttil, Ryan Callus, Therese Comodini Cachia, Maria Deguara, Beppe Fenech Adami, Karl Gouder, Claudio Grech, Marthese Portelli, Chris Said, David Stellini u Edwin Vassallo.
Dawn huma lkoll deputati li jew fil-miftuħ m’appoġġjawx lil Delia jew saħansitra, erbgħa minnhom, sabtulu l-bieb f’wiċċu meta ġie biex jitlob siġġu biex ikun jista’ jidħol fil-Parlament.
Naturalment, jingħaqdu magħhom ukoll Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia li ma jarawx għajn m’għajn ma’ Adrian Delia.
Jirriżulta li l-grupp ta’ kontra Adrian Delia qiegħed f’ taħdidiet mad-deputat Marlene Farrugia dwar jekk għandhiex tkun hi li l-ewwel tressaq vot ta’ sfiduċja f’Delia.
Internament, dan il-grupp ta’ kontra l-Kap qed jgħid li Delia m’għandux kredibbiltà biex imexxi l-kampanja li l-Partit Nazzjonalista jrid jimmonta wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan minħabba l-allegazzjonijiet serji li Caruana Galizia kienet kitbet fuq Delia. Fosthom li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. U li nies qrib tiegħu kienu heddew lil Caruana Galizia.
Kif żvelat il-gazzetta Kullħadd, il-Ħadd li għadda l-mozzjoni ta’ Chris Said biex eventwalment Delia jispiċċa investigat hija parti minn pjan li għandha twassal biex tintalab riżenja u t-Tnejn li għadda, il-mozzjoni kienet suġġett ta’ dibattitu jaħraq ħafna fil-grupp parlamentari.
Tant li Delia, x’ħin ra li l-maġġoranza assoluta tad-deputati nazzjonalisti qed jappoġġjaw il-mozzjoni ta’ Said, tilifha bil-kbir, infexx jgħajjat, jirrabja u jitkellem ħażin .
Delia imbagħad kellu jipposponi l-laqgħa għall-Erbgħa
fejn ma kienx baqalu għażla għajr li jaċċetta li l-mozzjoni tkun diskussa fil-Parlament.
Intant il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qed ikun deskritt bħala l-individwu ideali biex imexxi l-grupp parlamentari mill-Parlament f’każ li Delia jiġi sfiduċjat u jibqa’ kap tal-partit imma mhux kap tal-oppożizzjoni.
Imkejjen qrib il-gazzetta Kullħadd sostnew ukoll li f’dan il-każ il-grupp parlamentari jibda jsejjaħ lilu nnifsu bħala l-Forza Nazzjonali għax jargumentaw li dik l-għajta għandha s-saħħa ta’ min għażilha f’Ġunju li għadda, anke jekk f’minoranza.
Sadanittant raġuni oħra li qed tissemma biex Delia jdum Kap tal-Oppozizzjoni mill-Milied sa Stiefnu torbot ma’ Jean Pierre Debono.
Debono li ħadem kemm felaħ biex jara lil Delia Kap tal-Partit kien issemma mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista dwar firem foloz waqt l-elezzjoni għal Kap.
Fil-kuriduri tal-istamperija qed jingħad li dwar Debono hemm izjed u għalhekk il-kanuni komplew iduru fuq il-Kap Adrian Delia li għalih Debono huwa l-mimmi t’għajnejh.