Waqt li indirizza attività politika f’Santa Venera, il-Prim Ministru Joseph Muscat innota kif fil-pajjiż għaddeja ħidma mingħajr preċedent u dak li sar sa issa m’għandux ikun il-punt tal-wasla iżda bidu għal iktar suċċessi ġodda.
Hawn żvela kif il-Kabinett approva liġi għall-użu ta’ prodotti mediċi li ġejjin mill-marijuana. Waħda mill-bidliet se tkun li t-tobba kollha jkunu jistgħu jagħmlu preskrizzjoni għal dan it-tip ta’ prodotti. Iżda, il-viżjoni tal-gvern tmur lil hinn min hekk. “Irridu nsiru ċentru fejn mhux biss isir dan il-bejgħ imma anke l-mediċina li tkun prodotta ssir hawn Malta. Dan hu avvanz kbir li fl-Ewropea kollha hemm diskussjoni dwaru. Kumpaniji minn madwar id-dinja qed jaraw kif jistgħu jidħlu fl-Ewropa u jibbażaw. U aħna rridu nkunu hemm mingħajr biża’, bi ħsieb, b’viżjoni u regolamentazzjoni,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar kif issa l-Aġenzija tal-Mediċini Amerikana (FDA) għażlet l-Aġenzija Maltija fost tmien aġenziji fl-Ewropa kollha jistgħu jagħmlu testijiet f’isimha.