Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone ddikjara li l-ex Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier ma jirrappreżentax lill-Partit Nazzjonalista.
Is-Sur Schiavone qal dan b’reazzjoni għall-aġir ta’ Borg Olivieri fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.
Fl-aħħar sigħat Paul Borg Olivier uża l-facebook biex jgħajjar lis-Segretajru Parlamentari Farrugia Portelli għax skont hu ma kinitx komda tiltaqa’ man-nisa ta’ Occupy Justice.
B’reazzjoni għal dan il-messaġġ, is-Sur Schiavone qal li Borg Olivier m’għandu l-ebda kariga fil-partit. Qal li kull ħaġa li jgħid u jikteb hija opinjoni personali tiegħu u ma tirriflettix xi pożizzjoni uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista sostnew li dan il-kumment jirrifletti l-qasma fil-Partit Nazzjonalista. Qalu li Schiavone, wieħed mill-ftit deputati li jappoġġja lill-Kap, ħa x-xoqqa f’moxtha biex iċanfar lil Borg Olivier li fil-kampanja u wara l-elezzjoni tal-kap tal-partit, baqa’ jappoġġja lid-deputat Għawdxi Chris Said.