Huwa fatt magħruf li l-qagħda finanzjara tal-Partit Nazzjonalista hija mwiegħra. Fil-kampanja għall-elezzjonijiet għall-Vici Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidat Robert Arrigo ddikjara li l-Partit Nazzjonalista għamel għaxar snin sħaħ ma jkellimx lill-bank għax fi kliemu tilfu l-kredtu kollu.
Bħala parti mill-pjan tiegħu li jerġa’ jġib lill-Partit Nazzjonalista fuq saqajh kemm-il darba jiġi elett fil-kariga ta’ deputat kap għall-affarijiet tal-partit, is-Sur Arrigo qed jipproponi li jiftaħ il-bibien tad-Dar Ċentrali għall-wiri tal-films u għall-quddies iżda bil-patt u l-kundizzjoni li biex tattendi għal dawn l-attivitajiet irid ikollok sħubija fil-Partit Nazzjonalista.
F’attività fil-każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Għaxaq, is-Sur Arrigo qal li jrid jara l-istamperija attiva. Qal li wara li fid-Dar Ċentrali nfetħet il-kafetterija u l-bar, twaħħlu żewġ big screens u se jibdew juru l-logħob tal-football u l-films, qed jaħseb li jibda jittella’ l-quddies nhar tas-Sibt jew Ħadd.
“Issa jekk nistgħu nikkumbinaw xi attivitajiet il-ħin kollu hemmhekk (Dar Ċentrali) u għaliex le bħalma qal id-dottore, il-quddies nhar ta’ Ħadd u nhar ta’ Sibt b’xi attività, b’film night u b’xi night entertainment perkażu”, qal is-Sur Arrigo.
Madankollu qal li biex wieħed jattendi għal dawn l-attivitajiet, irid ikun membru.
“U biex tibda tipparteċipa mal-attivitajiet trid tkun membru – allura min ma jkunx membru jista’ jidhol membru biex jibda jattendi għal dawn l-attivitajiet u dejjem tkabbar il-membership”, qal id-deputat Nazzjonalista waqt li elenka numru ta’ proposti oħrajn li fi kliemu għandhom iqarrbu aktar nies lejn il-Partit Nazzjonalista.
Intant s’issa għad mhux magħruf min se jkun il-qassis li se jibda jqaddes fid-Dar Ċentrali.