L-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi nstabet ħatja ta’ diskriminazzjoni politika fit-tneħħija tal-impjieg tas-Sur Mario Cutajar, illum Segretajru Permanenti Ewlieni, fi żmien meta kien jaħdem mal-aġenzija Heritage Malta wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008 .
Fis-sentenza tagħha, l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi kkundannat l-interventi poltiċi li wasslu biex il-Gvern ta’ dak iż-żmien ittermina l-impjieg ta’ tiegħu minkejja li t-tmexxija tal-istess Heritage Malta kienet qed tfaħħar il-kontribut pożittiv tiegħu .
Kienet il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, mmexxija minn Chairman maqbul bejn Gvern u Oppożizzjoni u ffurmata minn żewġ membri maħtura miż-żewġ naħat tal-kamra, li wriet fuq kif kienet biss l-opinjoni politika ta’ Mario Cutajar li wasslet għat-tneħħija tiegħu mill-kariga ta’ Head Visitor Services li dak iż-żmien kien jokkupa f’Heritage Malta .
Is-sentenza tinnota kif il-ħidma ta’ Mario Cutajar fl-aġenzija kienet apprezzata mis-superjuri tiegħu b’performance appraisals dejjem ‘il fuq minn 90% .
Saħansitra l-kap eżekuttiv ta’ dak iż-żmien Luciano Mule Stagno kien kitiblu f’Novembru 2007, 4 xhur biss qabel l-elezzjoni tal-2008, fejn esprima s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol ta’ Cutajar u qallu li qed iħares ‘il quddiem għal iktar kontribut pożittiv matul l-2008.
Iżda eżatt wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2008 bdiet il-pressjoni politika biex Mario Cutajar jitneħħa mill-impjieg tiegħu. Bdew laqgħat interni li għalihom kienet tkun preżenti l-Ministru Dolores Cristina li taħtha kienet taqa’ Heritage Malta kif ukoll il-kap eżekuttiv Luciano Mule Stagno .
Xhieda quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi turi kif min f’Heritage Malta kien qed jipprova jitkellem kontra l-interventi biex jitneħħa Mario Cutajar, fosthom Kenneth Gambin li eventwalment sar Kap Eżekuttiv, spiċċa mhedded. Qalulu : oqgħod attent għax int familja għandek, oqgħod attent għax il-kuntratt tiegħek wasal biex jiġġedded ukoll .
Il-pressjoni politika baqgħet għaddejja sakemm saret laqgħa tal-bord tad-diretturi u ttieħed vot favur li jitneħħa Mario Cutajar. Iċ-chairman ta’ dak iż-żmien f’Heritage Malta Mario Tabone xehed kif għal din il-laqgħa b’mod stramb ħafna kien hemm preżenti l-kap tas-Segretarjat tal-Ministru Dolores Cristina.
Quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, Pierre Bonello li kien jaħdem ma’ Heritage Malta u ħabib antik ta’ Edgar Galea Curmi kap ta’ segretarjat ta’ Lawrence Gonzi, xehed kif lil Galea Curmi kien qallu li Mario Cutajar kien se jitneħħa fuq l-opinjoni politika tiegħu. Galea Curmi kien wieġbu “mhux biss”.
Għal Kummissjoni dwar l-Impjiegi, din kienet konferma tal-element politiku fid-deċiżjoni li eventwalment ġiet iffirmata mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi.
Mario Cutajar kien deputat segretarju ġenerali tal-GWU u ppublika diversi kotba b’temi politiċi.