Waqt li kien qed jintervjeni waqt l-EU-Arab World Summit f’Ateni l-Greċja, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li għandhom jinħolqu aktar opportunitajiet bejn iż-żewġ reġjuni billi fost l-oħrajn ikun hemm aktar investimemt fil-ġenerazzjoni żagħżugħa li jwassal għal aktar xogħol u ġid.
Dr Muscat saħaq li dan għandu jsir fil-kuntest ta’ dinja u pajjiżi li qegħdin jagħlqu l-bibien lil xulxin kemm b’mod politiku kif ukoll b’mod ekonomiku sabiex jipproteġu lilhom infushom. “Meta dan kollu qed iseħħ, hemm bżonn aktar li jinfetħu toroq li jwasslu għal aktar ħidma flimkien bħala reġjuni u aktar aċċess għas-suq ekonomiku”, tenna l-Prim Ministru filwaqt li saħaq li dan huwa importanti li jsir għax permezz ta’ hekk qed naqbdu toroq li pajjiżi oħra qed jiddejqu jaqbdu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li bħala reġjuni għandna naħdmu sabiex nużaw l-għodda li diġà jeżistu sabiex ikun hemm kooperazzjoni bħalma hi n-Neighbourhood Policy tal-Unjoni Ewropea.
“Malta trid li l-Ewropa tibqa’ tkun is-sors ewlieni li jwassal għal aktar investiment u żvilupp billi fost l-oħrajn tuża fondi Ewropej u fondi minn pajjiżi Għarab sabiex fost l-oħrajn tkompli tkun imsaħħa l-infrastruttura fiżika u dik diġitali”, tenna Dr Muscat filwaqt li saħaq li dan kollu se jwassal għall-opportunitajiet ġodda u semma kif Malta llum hija minn ta’ quddiem nett fid-dinja f’dik li hija teknoloġija tal-Blockchain permezz tal-istrateġija Nazzjonali tal-Blockchain u regolamentazzjoni tal-użu tal-cyrpto currencies.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar opportunitajiet għal żgħażagħ kemm dawk ġejjin mill-Ewropa kif ukoll dawk li ġejjin minn pajjiżi Għarab fis-settur tal-edukazzjoni terzjarja u t-taħriġ fost l-oħrajn. Dr Muscat stqarr li l-viżjoni ta’ Malta hija li tkun iċ-ċentru ta’ esperjenzi bejn studenti minn pajjiżi ġejjin minn dawn iż-żewġ reġjuni.
Fl-aħħar nett Dr Muscat semma wkoll sfidi li jeżistu għaż-żewġ reġjuni fosthom l-Immigrazzjoni u t-terroriżmu u semma kif hemm bżonn kooperazzjoni sabiex dawn il-problemi jkunu indirizzati bl-aħjar mod.
Fost il-kelliema f’dan is-Summit kien hemm il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras, il-President Ċiprijott Nikos Anastasiades, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Marcos Sefcovic, il-Ministru tal-Kummerċ Eġiżżjan, Tarek Kabil, il-Ministru tal-Ekonomija tal-Istati Emirati, is-Sultan bin Saaed Al Mansouri u l-Ministru tal-Investiment tal-Ġordan, Nael Al Kabariti.