L-omm ta’ sitta u erbgħin sena nstabet mitlufa minn sensiha t-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tat-tmienja f’kamra mħaffra fil-blat fl-inħawi tal-Bajja tar-Rinella. Kamra imwarrba sew u li wieħed ma jintebaħx biha sakemm mhux diġà jkun mar jispezzjona l-post.
L-omm instabet wara argument bejn it-tifel tagħha u żewġha, Roddy Williams, li qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Dan hekk kif qed ikun allegat li kien hu li żammha f’din il-kamra tal-waħx fil-Kalkara.
Danika Vella, bint il-vittma, b’emozzjoni kbira spjegat ma’ ONE NEWS kif kien dan l-argument li wassal għas-sejba ta’ ommha.
Danika rrakkontat kif “Dak ħija kien nieżel biex jarmi l-garbage u lemħu ġej jiekol l-għeneb hu, u ovjament ħija x’ħin rah mar jiġri warajh, hu prova jaħrab, imma ħija niżlu mal-art, sabbtu mal-art u waqa’ u rabtu b’ħabel biex ovvjament ma jaħrabx, imbagħad ġew il-Pulizija u kien dak il-ħin li ammetta li ħadha hemm.”
Kamra li minnha l-għajta għall-għajnuna ta’ Natalie kienet bħal donna leħen fid-deżert li ħadd ma seta’ qatt jismagħha.
Danika stqarret magħna li minkejja li kienet kuntenta ħafna li ommha nstabet mill-Pulizija esprimiet l-emozzjoni li ħasset meta rat lill-ommha f’dak l-istat. Stat li ebda wild ma jkun jrid jara l-ommu fih, bit-tfajla tispjegalna li mill-ewwel jum li ommha sfat nieqsa kienet taf min kien firidha minnha.
Hi qalet “Minn ħadha konna nafu iva.”
Fil-fatt fuq il-profil tagħha ta’ facebook poġġiet ritratt tar-raġel ta’ Natalie Williams, bit-tama li jiġi arrestat u tinstab ommha. B’din kienet l-unika tama għal din it-tfajla mwerwra li ma terġax tara jew tkellem lil ommha.
Imbikkma, Danika qaltilna li minkejja li ommha llum tinsab aħjar għall-kura l-isptar, ftit li xejn nisslet kliem u meta ħdejha kien hemm bintha, l-omm bdew jiġuha memorji koroh ta’ dak li kien ġara.
Sorsi minn fuq il-post qalu lill-ONE NEWS, kif ma jistgħux jimmaġinaw jew jifhmu kif Williams li huwa barrani mis-Seychelles irnexxielu jdaħħal lil Natalie f’din il-kamra.
Qalu li għalemm il-bidu tal-kamra huwa spazjuz, meta wieħed jibqa jidħol ‘il ġewwa l-post jidjieq u l-persuna trid titkaxkar biex tkun tista’ tibqa’ dieħla aktar ‘il ġewwa.
Matul il-jum il-Pulizija tal-Forensika elevaw oġġetti mill-post fejn instabet Natalie Williams bħala parti mill-investigazzjoni.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ One News li l-Pulizija qed tittratta dan il-każ bħala attentat ta’ qtil u nfetħet inkjesta maġisterjali, li qed titmexxa mill-Maġistrat Joe Mifsud li ħatar bosta esperti biex jassistuh.
B’dan il-każ kitbu dwaru mijiet ta’ persuni fuq il-midja soċjali fosthom dawk li kkummentaw fuq il-profil ta’ bintha. Każ li għalih lkoll kellhom deskrizzjoni waħda – każ tal-biża u xokkanti.
Biża u xokk li bint il-vittma se tkun qed iġġorr magħha flimkien ma’ ommha. Bit-tfajla tgħaddielha messaġġ ta’ kuraġġ.
Danika qalet “Le li tibqa soda hu, aħna hawn għaliha.”
Intant ma’ ġurnal lokali missier Natalie, Charles Higgans spjega kif madwar xahrejn ilu bintu ppruvat ittemm ir-relazzjoni abbużiva li kellha, wara li sawwatha bl-addoċċ f’San Ġiljan. Dakinhar hi għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija, fejn dan ma kienx l-ewwel wieħed li sar. Higgans spjega kif il-koppja, li kienet għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni b’bintu bħalissa tgħix miegħu, kellhom storja twila ta’ abbuż domestiku.
Tant li sa ftit snin ilu, wara rapporti li kienu saru fuq akkużi simili, Roddy Williams ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn fejn il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin fuq Natalie u l-familja tagħha.