Jiġbru l-karta b’isimhom, iwaħħluha skont kif qed iħossuhom, jagħżlu r-ritratt tagħhom u jpoġġuh skont x’għandhom bżonn dakinhar.
B’dan il-mod tibda sessjoni ta’ dik li tissejjaħ Nurture Class. Sessjoni li ddum siegħa kull darba u li fiha jsir tagħlim ibbażat fuq l-inklużjoni.
Josanne Ghirxi, service manager fl-edukazzjoni inklussiva qalet f’dawn il-klassijiet jattendu fost oħrajn studenti li għandhom diffikultajiet fl-imġiba fost oħrajn.
Ghirxi qalet “fejn studenti li għandhom xi diffikultajiet soċjali, emozzjonali jew anke fl-imġieba tagħhom ikunu jistgħu jiġu referuti f’dawn in-nurture classes biex b’hekk jitfasslu ċerti programmi għal gruppi tal-istudenti li jkunu qed jattendu.”
Dawn is-sessjonijiet huma offruti f’madwar ħamsa u tletin skola tal-primarja, filwaqt li fl-iskejjel sekondarji, l-isem jinbidel għal Learning Zone.
Is-sessjonijiet jindirizzaw numru ta’ fatturi, bħar-rabja, il-komunikazzjoni, l-emozzjonijiet, il-kunfidenza u l-ħiliet soċjali.
Il-klassi għal dawn is-sessjonijiet hija waħda ferm differenti minn dik tradizzjonali, kif spjegat l-għalliema Catriona Zammit.
Filwaqt li One News segwa sessjoni ta’ Nurture Class fl-Iskola Primarja B taż-Żejtun, kien spjegat li qabel jibdew is-sessjonijiet, ikunu identifikati l-bżonnijiet tat-tfal u jitfasslu programmi individwali għalihom.
Iżda l-ħidma tal-għalliema u tal-learning support assistants ma tieqafx fil-klassi. Dan hekk kif ikun hemm assessjar tal-iżviluppi, kif spjegaw l-LSA Jessica Abela u l-għalliema Catriona Zammit.
Huma qalu li josservaw kemm fil-brejk kif ukoll fil-klassi. Fejn jagħmlu class support fejn jaraw dawk l-istess studenti li jkunu qed jagħmlu l-programm magħhom, fejn dak li tgħallmu jimplimentawh kemm fil-klassi ma’ sħabhom kif ukoll mal-għalliema.
Spjegaw kif ikollhom termly meeting ma’ Psycho Social Team, it-tim kollu tal-kuleġġ, il-councillors, il-guidance teacher li jiltaqgħu wkoll magħhom ġieli kull ġimgħa.
Is-Surmast Edmond Pace innota kif ir-rispons mill-ġenituri huwa wieħed tajjeb, filwaqt li ġieli jkun hemm każijiet fejn il-ġenituri ma jkunux konvinti mal-ewwel.
Pace qal li “once li jidħlu għal dan is-servizz imbagġad jibdew jaraw l-effetti li jibdew ikollhom fuq it-tfal għax l-effett hu wieħed li fl-imġieba tagħhom ikun wieħed tanġibbli. Jibdew jirċievu feedback pożittiv anke meta jkunu fil-klassi.”