Raġel intbagħat 32 xahar ħabs wara li nstab ħati li kien il-kaġun tal-mewt ta’ tifel ta’ għaxar fis-Swieqi.
L-inċident seħħ fit-30 ta’ Mejju tal-2015 fi Triq Sant Andrija, quddiem il-grawnds tal-Luxol fis-Swieqi meta Rodwan Aghil ħareġ jixtri bil-konsegwenza li ttajjar minn vettura waqt li kien qed jaqsam it-triq.
Rodwan intlaqat minn vettura tat-tip Peugeot li kienet misjuqa minn Fatih Pancar, Tork ta’ 40 sena residenti San Pawl il-Baħar. Is-sewwieq tressaq il-Qorti fejn kien qed ikun akkużat li saq b’traskuraġni u b’mod perikoluż bil-konsegwenza li kkawża l-mewt ta’ Rodwan.
Fost diversi esperti li xehdu quddiem il-Qorti, fosthom kien hemm persuni li raw lit-tifel jintlaqat mill-vettura, Pulizija, esperti tekniċi u mediċi.
Kien għalekk li wara li semgħet ix-xhieda, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ikkundannat lill-akkużat 32 xahar ħabs.