L-infertilità hija ħafna iktar komuni milli wieħed jimmaġina. Fil-fatt taffettwa koppja minn kull sitta. Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm madwar 25 miljun persuna li qed jiġu affettwati mill-infertilità. “Kisser is-Silenzju” hija t-tema ta’ attività li ttellgħet ilbieraħ fil-Belt fejn tqajmet aktar kuxjenza dwar l-infertilità. Tkellimna mal-organizzaturi, il-Malta Infertility Network.
“M’hemmx infertilità li hija eħfef biex tindirizzaha. Il-problemi mediċi mhux neċessarjament huma ugwali u hemm diversi kundizzjonijiet li jistgħu jikkawżaw infertilità. Kull koppja hija differenti u m’hemmx kejl wieħed li jgħodd għall-koppji. Meta l-kundizzjoni medika tiġi ddijanjostikata mbagħad ikun hemm diversi trattamenti li wieħed jista’ jagħmel skont il-kundizzjoni tiegħu,” qalet kelliema għall-grupp.
Mir-riċerka jirriżulta li l-infertilità taffettwa lill-mara u lir-raġel b’mod ugwali. Filfatt taffetwa 33% tan-nisa, 33% tal-irgiel u 33% l-oħra jew ma hemmx spjegazzjoni ‘unexplained infertility’ jew il-problema tkun ġejja miż-żewġ naħat.
Studju tal-Università ta’ Harvard ikkonkluda li nisa li jkunu qed jissieltu l-infertilità jaffaċċjaw sentimenti ta’ ansjetà u dipressjoni bħall-pazjenti li ġew iddijanjostikati bil-kanċer. Dawk il-koppji li qed jissieltu mal-kundizzjoni tal-infertilità jgħaddu minn diversi weġgħat fosthom emozzjonali, stress fiżiku u finanzjarju. Barra minn hekk, ħafna drabi jkunu qed ibatu fis-skiet u għaldaqstant iħossuhom waħedhom.
“Ħafna koppji jiddejqu jiftħu qalbhom dwar din il-kundizzjoni medika. Hawn min saħansitra anki ma’ membri tal-familja tiegħu stess jiddejjaq jitkellem. Dan minħabba li din il-kundizzjoni iġġib ħafna stigma magħha u għaldaqstant il-koppji jagħżlu li ma jitkellmux.”
Bħala għaqda l-Malta Infertility Network ħasset il-bżonn li tilħaq lil dawk il-koppji fis-soċjetà li għaddejjin minn din il-problema, li joffru appoġġ lil kull min ikun qed iġarrab din l-esperjenza, li kif spjegajna twassal għal tbatija fiżika, emozzjonali, soċjali u finanzjarja għall-koppji. Permezz ta’ dan il-grupp ta’ sapport li jiltaqa’ darba fix-xahar, il-membri jistgħu jaqsmu l-uġigħ emozzjonali u d-diffikultajiet soċjali relatati ma’ din il-kundizzjoni, ma’ min jista’ jifhimhom.
L-attività tal-bieraħ hija kommemorazzjoni ċkejkna iżda b’sinifikat kbir għax għall-ewwel darba qed tiġi ċċelebrata l-Fertility Awareness Week f’Malta bit-tema ‘Break the Silence’. Dan minħabba li persuni li għaddejjin mill-infertilità difficli jitkellmu dwar dak li għaddejjin minnu peress li din hija sitwazzjoni delikata minħabba li din il-kundizzjoni iġġib ħafna stigma magħha.
“Għaldaqstant l-iskop ta’ din l-attività huwa proprju biex is-soċjetà tkun aktar konxja u nqajmu iktar gharfien dwar l-infertilità li wara kollox hija kundizzjoni medika. Il-bżieżaq telgħu waħda wara l-oħra mqabbdin ma’ xulxin fejn inżammet l-aħħar bużżieqa biex niġbduhom lura ’l isfel. Dan biex ma nagħmlux ħsara lill-ambjent.”
Bla dubju l-introduzzjoni tal-IVF u l-inċentivi fl-addozzjoni huma kollha miżuri tajbin li jgħinu lil dawk il-koppji li jew jagħżlu li jieħdu t-trattament mediku tal-IVF jew inkella jagħżlu li jibnu l-familja tagħhom permezz tal-adozzjoni. Huwa mistenni li aktar minn 100 tarbija jkunu twieldu permezz tal-IVF fl-Isptar Mater Dei sa tmiem din is-sena. Pass importanti kien meta l-Gvern awtorizza żieda ta’ 100 siegħa leave speċjali lill-koppji li jgħaddu minn trattament tal-IVF f’Malta u barra l-pajjiż. Din hija miżura soċjali li għandha l-għan li tnaqqas it-tbatija ta’ dawn il-koppji. Fil-Baġit 2018, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern se jestendi s-servizz tal-IVF b’xejn b’tisħiħ fil-liġi li tkun tirrifletti l-avvanzi teknoloġiċi għall-benefiċċju ta’ iktar koppji biex ikollhom it-tfal.
“Aħna nilqgħu dawn l-inċentivi u nagħmlu appell biex filwaqt li s-suġġett tal-infertilità jiġi diskuss, jiġi diskuss b’sensittività u b’rispett lejn dawn il-koppji, sabiex il-bżonnijiet ta’ dawn il-koppji jkomplu jinstemgħu biex titaffa t-tbatija li jkunu qed iġarrbu. Ix-xewqa tagħna hija li fil-futur ikompli jiżdied l-għarfien u s-soċjetà tkun iktar konxja ta’ din il-problema biex tassew l-infertilità ma tibqax tabù u biex ikomplu javvanzaw id-drittijiet tal-koppji anki permezz tat-twessigħ tal-liġi tal-IVF.”
Għall-informazzjoni għall-pubbliku ġenerali, tista’ tagħmel Like fuq Malta Infertility Network – NGO jew billi tissieħeb fil-Closed Group: Malta Infertility Network.