Il-Forzi Armati ta’ Malta fetħu l-bibien tagħhom għal 72 rekluti ġodda, b’seba’ minnhom ikunu nisa u tmien Għawdxin.
Il-membri l-ġodda nġabru kollha f’Luqa Barracks fis-7:00 ta’ filgħodu wara li temmew b’suċċess it-taħriġ neċessarju kif ukoll testijiet tas-saħħa. Fl-ewwel jum tal-karriera tagħhom fl-armata, ir-rekluti ħadu l-ġurament ta’ lealtà.
Fil-ġimgħat li ġejjin, ir-rekluti se jkunu qed jingħataw it-taħriġ neċessarju biex jiksbu suċċess fil-ħajja militari. Wara t-taħriġ, huma se jkunu qed jiġu stazzjonati f’diversi sezzjonijiet tal-AFM skont l-esiġenzi tas-servizz li jkun hemm bżonn – kemm dak fuq l-art, fuq il-baħar u kif ukoll fl-ajru.