Il-Gvern se jniedi inizjattiva bil-għan li l-festi jkunu iktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Ta’ kull sajf tqum il-kontroversja meta xi armar ixekkel l-aċċess għal xi wheelchair u s-Segretarjat responsabbli mill-persuni b’diżabilità se jkun proattiv billi jniedi fond għal dawk l-għaqdiet li jieħdu sehem fil-festi u li joħolqu inizjattiva biex il-festa tal-belt jew raħal tagħhom tkun iktar aċċessibbli. Din hi wkoll miżura tal-baġit.
Il-baġit allokat għal dan il-fond huwa ta’ €100,000. Biex il-każini tal-baned jibbenifikaw minn dan il-fond se jkunu mitluba jitfgħu applikazzjoni quddiem bord tal-għażla, li ħa jkun kompost minn professjonisti f’dan il-qasam. Minn tagħrif li ksibna jirriżulta li l-massimu li każin tal-banda jista’ jingħata minn dan il-fond huwa ta’ €10,000. Għalkemm iktar informazzjoni fuq din l-inizjattiva ser tingħata f’Jannar 2018.
Tkellimna ma’ Oliver Sciclulna, Ċermen tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità rigward din il-miżura.
Fi kliem Scicluna, mingħajr dubju l-inizjattiva hija pass tajjeb ’il quddiem biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li kull sajf tinħoloq minħabba ċertu armar tal-festi li jostakola bankini diversi madwar Malta u Għawdex.
“Jien kemm-il darba kont voċiferu dwar dan is-suġġett ovvjament mhux għax irrid neqred it-tradizzjoni tal-festi, iżda għax nixtieq nara li l-istess armar ma jkunx qiegħed ixekkel persuna b’diżabilità li tgħix ħajja indipendenti, kif ukoll li l-istess Festa tkun fiha nnifisha inklussiva.”
Scicluna qal li dan huwa bidu tajjeb għax jaħseb li aktar ’il quddiem għandna nimirħu u l-fondi provduti jkunu aktar u mhux biss forma ta’ kompetizzjoni iżda f’forma ta’ grant. B’hekk l-għaqdiet tal-armar li ħafna minnhom jagħmlu xogħol volontarju jkunu qed jingħataw għajnuna biex filwaqt li jsebbħu l-lokalità tagħhom fi żmien il-festa, jiġi ukoll ikkunsidrat dak kollu li hemm bżonn biex l-aċċessibilità fil-lokalità ma tiġix mxekkla.
“Il-Kummissjoni f’dan l-aħħar snin għamlet diversi rapporti fosthom rapport li sar fis-sajf tal-2016 fejn ġew awditjati 20 lokalità, jiġifieri 20 festa fejn stajna nifhmu x’inhuma l-aktar sitwazzjonijiet komuni.”
Tajjeb li jiġi ċċarat li meta bankina tkun dejqa anqas min 1.2 metri, skont il-linji gwidi tal-aċċessibilità, u l-istess bankina tkun tinsab fi triq li ma tkunx tista’ titwessa’, inutli tinħela ċertu enerġija biex l-istess bankina ma tiġix armata. Dan minħabba l-fatt li bankina li tkun idjaq min 1.2 metri diġà mhux tajba biex persuna li tagħmel użu minn wheelchair biex tgħaddi min fuqha. Iżda jekk il-bankini jkunu skont il-linji gwidi, huwa obbligat bil-liġi li dawn ma jiġux ngumbrati bl-ebda mod.
“Dan is-sajf biss kellna madwar 10 rapporti fuq 10 lokalitajiet differenti. Kienu sitwazzjonijiet fejn ċertu għaqdiet resqu għandna biex flimkien nippjanaw kif se jiġu mwaħħlin arbli u pilandri b’mod aċċessibbli, fosthom kien hemm il-Każin ta’ San Ġużepp tar-Rabat, Malta.”
Scicluna ħeġġeġ lill-Gvern biex jkompli jinvesti f’inizjattivi bħal dawn li mhux biss ikabbru l-profil ta’ Malta fejn tidħol kultura iżda jagħtuna ċ-ċans bħala pajjiż li nkunu ta’ eżempju lejn pajjiżi kulturali oħrajn u dan issir għax mingħajr dubju matul is-sajf pajjiżna jilqa’ ħafna turisti.
Is-Segretarju responsabbli mis-settur, Anthony Agius Decelis, qal: “Napprezzaw ukoll ix-xogħol li l-membri tal-każini tal-baned jagħmlu kontinwament u b’mod volontarju għal dawn il-festi. L-impenn tagħhom f’dan ir-rigward huwa imprezzabli. Dan kollu jsaħħaħ il-kultura Maltija.”
Żied li “dan il-fond iwassal sabiex dawn l-individwi jibqgħu jgawdu dawn it-tradizzjonijiet u jkollhom festa aktar aċċessibbli. Huwa importanti li l-anzjani u l-persuni b’diżabilità jgawdu l-kultura Maltija u jkunu parti ċentrali fil-komunità.”