- L-MEPs tal-PN favur emendi li jnaqqsu d-dritt tal-whistleblower
- MEP Franċiża tgħid li l-aqwa tislima kienet vot kontra dawk l-emendi
Il-membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista vvutaw kontra l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan fi kliem MEP Franċiża li fil-Parlament Ewropew ressqet rapport dwar il-ħarsien tal-whistleblower. Rapport li l-vot dwaru ttieħed nhar it-Tlieta 24 ta’ Ottubru, proprju ftit tal-ħin wara minuta silenzju b’memorja għal Daphne Caruana Galizia.
L-MEP Virginie Roziere qalet li filwaqt li kulħadd jinsab imnikket bil-qtil ta’ Caruana Galizia t-tribut veru kellu jkun li wieħed jgħaddi mill-kliem għall-fatti. “Aħna se nagħmlu rapport fuq il-whistleblowers,” qalet Roziere li rreferiet għall-fatt li kien hemm xi emendi għar-rapport tagħha. Dawn kienu emendi mhux mixtieqa għax kienu jnaqqsu d-drittijiet tal-whistleblower u għalhekk imorru kontra l-iskop tar-rapport.Huma emendi li kellhom l-appoġġ tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista u li Roberta Metsola kienet fost dawk li ressquhom. L-ewwel emenda riedet tpoġġi numru ta’ kundizzjonijiet qabel whistleblower ikun jista’ jmur għand il-midja, it-tieni emenda kienet timmina l-validità tal-whistleblower u r-rapport tiegħu jekk bħala l-ewwel pass imur għand il-midja u t-tielet emenda kienet tneħħi d-dritt għall-anonimità tal-whistleblower u minflok tipprova tbiddlu għall-kunfidenzjalità.
Dawn l-emendi li kellhom il-vot favur ta’ Roberta Metsola, David Casa u Francis Zammit Dimech m’għaddewx, biex ir-rapport finali għadda kif ried, fost oħrajn, il-grupp tas-soċjalisti u demokratiċi inkluż it-tliet MEPs tal-Partit Laburista li b’għemilhom reġgħu kienu fuq quddiem nett favur id-dritt tal-informazzjoni u l-libertà ta’ ġurnalist biex iwettaq ħidmietu.
Meta kkummentat fuq dawn l-emendi li m’għaddewx, l-MEP Franċiża Roziere qalet: “Ma jistax ikollna din it-tip ta’ ipokresija. Huwa tajjeb li għamilna l-għażla t-tajba u urejna li rridu niddefendu l-ġurnalisti u lil dawk li jridu jitkellmu,” qalet l-MEP li żiedet li ma tistax tifhem kif hawn min jgħid li jrid jappoġġja lil min jinvestiga mbagħad jipprova jillimita lil dawk li jridu jitkellmu. “Kuntenta ħafna li dawn l-emendi m’għaddewx,” kompliet tikkummenta.
“Dak kien l-appell tiegħi. Ma nistgħux naċċettaw double speech. Għalhekk tajjeb li għamilna l-għażla t-tajba u għedna rridu niddefendu l-ġurnalisti. Għax il-pubbliku għandu dritt ikun jaf x’inhu għaddej,” tenniet Roziere li kkummentat ukoll dwar l-attitudni tal-awtoritajiet Maltin quddiem il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Huwa xokkanti li seħħ dan il-qtil f’Malta. U naħseb li huwa sinjal tajjeb ħafna li l-awtoritajiet Maltin fetħu l-inkjesta u talbu l-għajnuna mill-FBI u l-Europol. Dan hu l-aqwa mod biex nassiguraw li l-investigazzjoni ssir bil-garanziji kollha meħtieġa,” qalet Roziere.