Screening nazzjonali għall-awtiżmu b'xejn lit-tfal ta' 18-il xahar | One News

Notifiki

Screening nazzjonali għall-awtiżmu b’xejn lit-tfal ta’ 18-il xahar

Lenti fuq l-Iżvilupp ta’ Wliedna – Dan huwa screening nazzjonali mingħajr ħlas li se jkun qed joffri screening għall-awtiżmu lit-tfal ta’ tmintax-il xahar.

Dan bl-għan li minn eta bikrija jiġi identifikat dewmien fl-iżvilupp edukattiv. Minn Jannar beda proġett pilota li matulu bbenefikaw aktar minn 1,500 tarbija li sarilhom dan l-iscreening.

B’ survey li sar juri li l-ġenituri kienu pozittivi ferm dwar dan is-servizz. Inizjattiva li se tkun qed issaħħaħ, testendi , u tarmonizza xi wħud mill-funzjonijiet imwettqa bħalissa fil-kura tat-tfal, bħal dawk tal-Well Baby Clinic, Speech Language Department, u Child Development Assessment Unit fil-Ministeru tas-Saħħa, flimkien ma’ bosta servizzi oħra speċjalizzati fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Biex dan iseħħ, ġiet imwaqqfa sħubija inter-ministerjali bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru tas-Saħħa.

L-għanijiet tal-programm huma tlieta:

– Illi titwaqqaf sistema li tiffaċilita l-identifikar ta’ tfal b’dewmien fl-iżvilupp edukattiv tagħhom minn età bikrija, u tipprovdi s-sapport xieraq fil-ħin;

– Tingħata spinta lir-rabta tas-servizzi kollha biex issaħħaħ, tissimplifika, u tiffaċilita s-servizzi disponibbli għat-tfal;

– Jiżdied l-aċċess fil-ħin għas-servizzi neċessarji biex b’hekk jitnaqqas il-bżonn ta’ interventi intensivi ‘l quddiem.

Il-proċess tal-ewwel intervista għall-awtiżmu jiġi imwettaq minn professjonisti fil-qasam tal-kura medika tal-Ispeech Language Department kif ukoll bħala parti mill-eżamijiet mediċi ta’ rutina li jinżammu fil-Well-Baby Clinics, ilkoll bi kliniċi mifruxa f’bosta bliet u rħula. Il-proċess jibda fl-età ta’ tmintax-il xahar permezz tal- M-CHAT li hija kwestjonarju sempliċi ddisinjata biex bi ftit mistoqsijiet lill-ġenituri jagħti riżultat indikattiv minn età bikrija tar-riskju, fejn jeżisti, ta’ Autism Spectrum Disorder.

B’hekk dan il-programm ta’ screening jgħin sabiex tiġi assigurata l-kontinwità fil-kura ħolistika tat-tfal.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend