Fuq tlieta toqgħod il-borma – One News

Notifiki

Fuq tlieta toqgħod il-borma

Issa saret drawwa li tintalab ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali. L-ewwel ma ħareġ biha kien Simon Busuttil li spiċċa li kellu jirriżenja hu. Issa reġgħet instemgħet.  Bejnietna jippruvaw iċappsu lill-Avukat Ġenerali b’xi timbru politiku, jiġifieri li hu mal-Labour! Ili nafu. Jekk tistaqsuni,  naċċertakom li qatt ma smajtu jlissen kelma waħda li minnha tista’ tgħid kif jaħsibha politikament. Dejjem kien bniedem rett u tal-affari tiegħu, mhux biss issa imma anke meta kien għadu fir-rank aktar ’l isfel.

Fl-imgħoddi qatt ma kien hemm attakki fuq l-Avukat Ġenerali ġara x’ġara. Għax il-funzjoni tiegħu kostituzzjonali hija dik komparabbli ma’ mħallef. Mhux qed nitkellem meta jagħti parir lill-Gvern, li jista’ jiġi kkontestat, imma meta jeżerċita l-funzjoni tiegħu meta tingħalaq kumpilazzjoni. Id-dmirijiet u l-poteri tiegħu fil-fatt jibdew biss u biss meta tingħalaq kumpilazzjoni.

Imma Dr Peter Grech, li naturalment ma qabadx u rriżenja kull meta qalulu, bħalma kien obbligat  jagħmel Simon Busuttil,  kien wieħed minn tlieta,  tlieta f’sensiela waħda. Għalhekk ngħid li fuq tlieta toqgħod il-borma.

U s-sensiela hija ta’ tliet Avukati Ġenerali li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern appunta, mingħajr ebda diffikultà ta’ xejn, kif kellhom dritt li jagħmlu skont il-Kostituzzjoni.

Iva, Dr Peter Grech inħatar fl-2010 minn Dr Lawrence Gonzi, meta wkoll kif kellu dritt jagħmel ħatar lil Dr Silvio Camilleri minn Avukat Ġeneral għall-President tal-Qorti.  Ħadd ma tkellem fuq “rule of law” dak iż-żmien. 

Qablu l-istess Gvern Nazzjonalista, fl-2004, mingħajr ħafna ċerimonji u maġġoranzi ta’ żewġ terzi,  kien ħatar lil Dr Silvio Camilleri bħala Attorney Ġeneral,  wara li l-Avukat Anthony Borg Barthet sar imħallef fl-Ewropa. U min ħatru lil Anthony Borg Barthet bħala Avukat Ġenerali? U b’liema maġġoranza? Inħatar fl-1989 minn Gvern Nazzjonalista.

Fi żminijiet differenti ġrat xi ħaġa, jew qatt ma ġara xejn? Imma qatt ħadd ma qam jgħajjat kontra l-Avukat Ġenerali u talbu jirriżenja.

Issa għandna l-paladini tar-rule of law.  Qabel jien nibda nikkunsidra fuq l-Avukat Ġenerali rrid inkun sodisfatt li għamel xi ħaġa ħażina, jew li naqas li jagħmel xi ħaġa u m’għamilx.   

Jekk ġara dan, allura hemm il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u tiġġudikah u tmexxi kontra tiegħu.

Jekk il-provi huma t-teatrini u x-xenati,  verament tkun marret għal għajnha r-rule of law.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend