Illum għall-ħabta tan-nofsiegħa (1230hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha, fi Triq V. Menville, is-Swieqi.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li Taljan ta’ 50 sena waqa’ minn għoli ta’ madwar sular waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku ġew imsejħa fuq il-post sabiex jassistu lill-vittma.
Ir-raġel ittieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.