Nisa Laburisti kkundannat kumment dispreġjattiv li għadda fil-Parlament l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, fil-konfront tad-deputat Rosianne Cutajar.
Ibieraħ fil-Parlament id-deputat Rosianne Cutajar talbet kjarifika wara li d-deputat Marlene Farrugia għamlet ċertu allegazzjonijiet serji fil-konfront tagħha.
Kien proprju dak il-ħin li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni ikkummenta b’vuċi għolja u qal “issa ħiereġ l-għerf”. Din mhix l-ewwel darba fl-aħħar jiem li Busuttil kien offensiv lejn membri oħra tal-kamra tar-rappreżentanti.
Dan hu bla dubju kumment li jonqos mir-rispett u li ma jagħmilx ġieħ lill-Membru Parlamentari.
NL qalet li għandha fiduċja sħiħa fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ u ddikjarat li kummenti bħal dawn ma jressqux nies lejn il-politika.