Membri Parlamentari Nazzjonalisti jista’ jkun li jsejħu vot ta’ sfiduċja fil-mexxej tagħhom fi ħdan il-grupp parlamentari. Mossa li tista’ twassal għal bidla fit-tmexxija tal-Oppożizzjoni.
Il-gazzetta MaltaToday qed tirrapporta li taf bi ħdax-il Membru Parlamentari li lesti jappoġġjaw din il-mozzjoni, filwaqt li erbgħa oħra għadhom indeċiżi.
Deskritti mill-gazzetta bħala ribelli, dawn il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti għandhom bżonn ħmistax-il vot biex imexxu l-mozzjoni li effettivament jitneħħilu l-appoġġ li Adrian Delia għandu bżonn biex ikun Kap tal-Oppożizzjoni.
Jekk Delia jitlef l-appoġġ tal-maġġoranza favurih, il-President ikun mistenni li jappunta xi ħaddieħor li jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni.
Jekk dan jiġri, Delia jibqa Kap tal-Partit Nazzjonalista iżda jitlef l-irwol kostituzzjonali bħala Kap tal-Oppżċzzjoni.