Il-qorti ċivili ordnat lil Austin Gatt iħallas €1,000 f’danni lil Marlene Mizzi, illum MEP, f’każ ta’ libell li ressqet Mizzi kontra Gatt aktar minn 12-il sena ilu. Dan huwa t-tieni każ ta’ libell li Mizzi rebħet kontra Gatt, bl-ewwel wieħed ikun sentenza kontra Gatt mill-Qorti Kriminali.
Marlene Mizzi kienet irriżenjat volontarjament mit-tmexxija tas-SeaMalta f’Ġunju 2005 għax ma qablitx mal-mod kif kienet qiegħda tiġi mmaniġġjata l-privatizzazzjoni tal-linja tal-baħar nazzjonali mill-Ministeru ta’ Austin Gatt. Wara din ir-riżenja, li għall-bidu ġiet miċħuda b’qawwa mill-PM Gonzi, fil-Parlament il-Ministru Gatt kien qal li “berbqet fondi pubbliċi”.
Mizzi sfidat lil Gatt jirrepeti din l-istqarrija barra l-Parlament fejn ma jkollux il-protezzjoni tal-immunità parlamentari – xi ħaġa li huwa għamel f’intervista ma’ The Times fl-1 ta’ Lulju, 2005. Dan wassal biex Marlene Mizzi ressqet każi ta’ libell kontra l-eks-Ministru, fil-qrati kriminali u ċivili. Mizzi rebħet iż-żewġ każi.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti Ċivili ddeċidiet li l-kontenut ippubblikat fl-intervista mogħtija lil Steve Mallia, fuq The Times fl-1 ta’ Lulju, 2015, intitolata “No prospects of national shipping line” ma tistax titqies bħala “ġudizzju valutattiv u kumment ġust, iżda huma libellużi u diffamatorji fir-rigward tagħha”. Il-qorti ordnat lil Austin Gatt iħallas €1,000 lil Marlene Mizzi f’danni inklużi l-interessi mid-data tas-sentenza sad-data tal-ħlas effettiv, kif ukoll l-ispejjeż tal-qorti.