Ulied Daphne Caruana Galizia u żewġha dehru l-Qorti f’kawża ta’ libell li kien fetaħ fil-konfront tagħha l-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joseph Gerada.
Dan wara sensiela ta’ allegazzjonijiet li l-Ministru u l-konsulent tiegħu marru f’burdell meta kienu l-Ġermanja. Allegazzjonijiet li kienu dejjem miċħuda.L-Avukat Pawlu Lia mhux biss esprima l-kondoljanzi tiegħu, iżda informa lill-qorti li tant kien għadda ftit żmien minn dan il-mewt li ħass li kien prematur li jiddiskuti mal-klijenti tiegħu dan il-fatt.
Iżda, Matthew Caruana Galizia insista li jindirizza l-Qorti u qal li huma ma jridux li l-kawżi jitwaqqfu, bil-maġistrat jenfasizza li tali deċiżjoni issa taqa’ fuq min beda l-kawża. Min-naħa tiegħu l-Avukat Lia rrefera għal kummenti taż-żagħżugħ billi qal li jifhem l-emozzjonijiet ta’ bħalissa, filwaqt li għamilha ċara li hemm konsiderazzjonijiet legali li wieħed irid jikkonsidra qabel tittieħed deċizzjoni. Iżda, Matthew Caruana Galizia qal fil-Qorti li l-Ministru Chris Cardona kellu interess li jwaqqaf il-każ.
Il-Maġistrat intervjena u qal li jifhem l-uġigħ ta’ bħalissa u ppospona s-smigħ għal Diċembru bil-ħsieb uniku li jkun hemm deċiżjoni x’se jsir mill-kawżi.
Sa issa kien biss il-Kap l-Oppożizzjoni Adrian Delia li waqqa’ l-libelli li għamlitlu Daphne Caruana Galizia. Hu mar iwaqqagħhom l-għada li mietet Daphne Caruana Galizia.