Is-surplus fil-finanzi tal-Gvern matul is-sena li għaddiet kien ilaħħaq ftit anqas minn mija u tlettax-il miljun ewro.
Dan joħroġ minn stqarrija tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika dwar il-finanzi tal-Gvern skont il-kriterji tat-Trattat ta’ Maastricht. Iċ-ċifri juru li matul is-sena li għaddiet, is-surplus ta’ pajjiżna kien ekwivalenti għal 1.1 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
Skont l-uffiċċju tal-istatistika dan kien juri titjib qawwi meta mqabbel mad-defiċit ta’ 1.1 fil-mija li rreġistra pajjiżna matul l-2015.
Iċ-ċifri tad-dejn juru wkoll li skont il-kriterji ta’ Maastrich, matul is-sena li għaddiet, id-dejn tal-Gvern niżel taħt dak li jesiġi l-ftehim ta’Maastrich li jippermettu dejn li jilħaq sittin fil-mija tal-Prodotti Domestiku Gross.
Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, id-dejn tal-Gvern Maltin kompla jinżel biex issa niżel għal 57.8 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.