Il-Qorti tal-Appell irrevokat sentenza’ ta’ tletin xahar ħabs fil-konfront ta’ Francis Mamo ta’ sittin sena li f’Marzu ta’ ħames snin ilu nstab ħati għall-qti involontarju ta’ Gabriel Agius ta’ tliet snin li fl-2008 miet wara li waqa’ f’xaft ta’ garaxxijiet taħt l-art f’Ħaż-Żebbuġ.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef David Scicluna kkonfermat il-ħtija fil-konfront ta’ Mamo. Madankollu ħadet inkonsiderazzjoni, ix-xhieda tal-ġenituri ta’ Gabriel li quddiemha offrew il-maħfra tagħhom għal dak li ġara u qalu li ma xtaqux jintbagħat il-ħabs.
Fil-fatt quddiem il-qorti tal-appell xehdu Vanessa u Joseph Agius, il-ġenituri ta’ Gabriel li miet fl-inċident. Huma xehdu bla tlaqliq li s-Sur Mamo jaħfrulu ta’ dak li ġara u li ħabs m’hemm għalfejn jeħel.
Il-Qorti qalet li maħfra sinċiera bħal din ġejja minn min tilef il-wild tiegħu ma tistax tiġi injorata. Barra minn hekk il-qorti qalet li m’hemm xejn x’juri li Mamo huwa theddida għas-soċjetà tant li fl-aħħar disa’ snin, Mamo qatt ma xellef difrejgħ mal-ġustizzja.
Iċ-ċkejken Gabriel Agius kien tilef ħajtu waqt li kien m’ommu meta waqa’ għoli ta’ kważi sular. Huma kienu mexjin fid-dlam, sejrin lejn l-garaxx tagħhom. Is-Sur Mamo kien ġie mixli li injora twissijiet tal-pulizija biex ineħħi l-periklu li kien hemm fis-sit ta’ kostruzzjoni iżda ma kienx instab ħati ta’ dawn l-akkużi għax kien għadda ħafna żmien.