Il-Ministeru għall-Ġustizzja ċaħad allegazzjonijiet li implika l-Membru Parlamentari Simon Busuttil fil-Parlament, dwar li l-Gvern ma ssiħibx fl-uffiċċju ġdid tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) għax qal li għandu x’jaħbi.
Fi stqarrija, l-Ministeru qal li l-EPPO m’għandu x’jaqsam xejn ma’ prosekuzzjonijiet ta’ omiċidji, kif implikat b’mod inkorrett minn Dr Busuttil, iżda għandu l-funzjoni li jagħrbel u jmexxi prosekuzzjonijiet fuq reati li jolqtu l-Budget u interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
Qal li d-deċizjoni li Malta ma tissiħibx f’dan l-uffiċċju kienet ibbażata fuq raġunijiet tekniċi sodi u ttieħdet bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien immexxija minn Simon Busuttil innifsu. Sostna li dan ġie saħansitra kkonfermat minn ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia wara li membru ieħor tal-Oppożizzjoni kien irrepeta l-implikazzjonijiet inġusti li semma l-istess Busuttil.
Il-Ministeru qal li r-raġuni li wasslet lil pajjiżna li ma jifformax parti mill-EPPO hi bbażata fuq il-prinċipju ta’ sussisidjarjità, jiġifieri d-dritt li pajjiż iżomm ċertu oqmsa taħt il-kontroll assolut tiegħu. Din ir-raġuni kienet b’mod unanimu ġiet aċċettata mill-Parlament Malti.
Bħal Malta, hemm l-Iżvezja, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Polonja, l-Ungerija u r-Renju Unit li mhumiex parti minn dan l-uffiċċju.