Il-Prim Ministru Kanadiż: "Mhux affari tagħna li ngħidu lin-nisa x'jilbsu" | One News

Notifiki

Il-Prim Ministru Kanadiż: “Mhux affari tagħna li ngħidu lin-nisa x’jilbsu”

Justin Trudeau qal li mhuwiex xogħol il-gvern li jgħid lin-nisa dak li jistgħu jew ma jistgħux jilbsu, wara li l-provinċja Kanadiża tal-Quebec għaddiet liġi li tobbliga lil min jaċċessa trasport pubbliku jew servizzi tal-gvern biex ma jkollux wiċċu mgħotti.

Din il-liġi kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Amerika ta’ Fuq.

Fost il-kontroversja li nqalgħet dwar kif il-liġi ġdida se tkun qed tiġi applikata u lil min se taffettwa, l-awtoritajiet provinċjali qalu li se ssir ħidma mal-muniċipalitajiet, mal-iskejjel u ma’ daycares pubbliċi biex jistabbilixxu linji gwida ċari.

Il-leġiżlazzjoni ġiet ikkundannata minn kritiċi li qalu li ġiet deliberatament mmirata lejn nisa Musulmani. Oħrajn qajmu l-possibbiltà li n-nisa li jilbsu l-niqab jew il-burqa ma jkunux jistgħu jaċċessaw is-servizzi tas-saħħa, jpoġġu għall-eżamijiet fl-iskejjel jew jissellfu kotba minn libreriji pubbliċi.

Nhar il-Ġimgħa, Trudeau qal li l-gvern tiegħu kien qed iħares lejn il-leġiżlazzjoni. “Ma naħsibx li hija affari tal-gvern li jgħid lil mara dak li għandha jew m’għandhiex tilbes”, qal il-Prim Ministru. “Bħala gvern federali, aħna se nieħdu r-responsabbiltà tagħna bis-serjetà u nħarsu bir-reqqa lejn x’inhuma l-implikazzjonijiet.”

Meta ġie mistoqsi jekk il-gvern tiegħu hux se jikkontesta l-liġi fil-qorti, Trudeau reġa tenna li Ottawa kienet qed tħares bir-reqqa lejn l-implikazzjonijiet tal-liġi. L-osservaturi legali qalu li jistennew li bosta gruppi ta’ avukati jisfidaw il-liġi l-ġdida fil-qrati, billi tiġi mqabbla mal-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet tal-pajjiż kif ukoll dik provinċjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend