L-eks plejer ta’ Birkirkara Fabrizio Miccoli ġie kkundannat tliet snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li dahar għal Cosa Nostra sabiex jiġbor 12-il elf ewro b’metodi mafjużi.
Il-każ imur lura għal bejn l-2010 u l-2011, meta Miccoli qabbad lill-ħabib tiegħu Mauro Luricella, iben il-mafjuż Antonino, magħruf bħala “U Scintilluni”, biex jiġborlu tnax-il elf ewro li kellu jagħtih ħabib tiegħu dwar biċċa negozju marbuta ma’ tmexxija ta’ diskoteka fil-gżira ta’ Femmine.
Skont l-akkuża, Lauricella uża metodi vjolenti biex iwettaq din il-biċċa x-xogħol li minnha spiċċa ġabar biss elfejn ewro. Fil-Qorti Miccoli sostna l-innoċenza tiegħu u qal li ma kienx jaf li Luaricella kellu parentala mal-mafjuż “U Scintilluni”. Il-plejer li kien preżenti fil-qorti meta ngħatat is-sentenza għażel li ma jikkummentax.
Ir-rabta ta’ Miccoli ma’ pajjiżna tmur lura għas-sena 2015, meta Adrian Delia, dak iż-żmien President ta’ Birkirkara F. C. ġabu jilgħab f’Malta.