Hekk kif jibda jinstema’ l-każ tal-Albaniż mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ tliet Pulizija f’Paceville, s-Surġent stazzjonat fir-Rapid Intervention Unit irrakkonta fil-Qorti li meta l-Pulizija marru biex ikellmu lill-Albaniż mixli b’rabta mas-serqa li seħħet minn stabbiliment tal-ġojjellerija f’Tigne, huwa aggredihom, ħareġ pistola minn wara, ippuntaha fid-direzzjoni tagħhom u pprova jiġbed il-grillu ripetutament.
Is-Surġent Christopher Brincat qal li għadu jisma l-grillu jinġibed sal-ġurnata tal-lum.
Il-kompilazzjoni tal-evidenza fil-każ’ ta’ Daniel Muka ta’ 22 sena, qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace. Muka qed ikun mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ tliet Pulizija, li attakka u rreżista l-arrest bi vjolenza u li ħebb għall-Pulizija, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar u d-droga kokaina.
L-inċident in kwistjoni seħħ fil-lejl ta bejn it-12 u t-13 ta’ Ottubru f’Paceville. Muka kien wieħed miż-żewġ Albaniżi li kienu twaqqfu fuq suspett li setgħu kienu involuti fil-hold up li seħħ fil-5 ta’ Ottubru mill-ħanut tad-Diamonds International li jinsab f’Tigne Point, Tas-Sliema.
Muka allegatament kien qiegħed jixrob ma’ sieħbu fuq barra ta’ bar f’Paceville, meta l-Pulizija avviċinawhom huwa kien aggressiv fil-konfront tagħhom, qam bilwieqfa, daħħal idejh fuq wara u ħareġ i l-pistola u jiġbed il-grillu ripetutament. Il-Pulizija użat taser u l-imputat telaq il-pistola mal-art. Wara ġie arrestat.
Mistoqsi għala kellu arma tan-nar fil-pussess tiegħu, Muka allegatament qal li kien jaf li qed ifittxuh. Huwa kellu xi demm ma’ widnejh.
Huwa rrimarka wkoll li l-persuna l-oħra li kienet miegħu ġiet arrestata wkoll iżda din ma għamlet l-ebda moviment li bih setgħet tipperikola ħajjet il-Pulizija. Ix-xhud żied isostni li “għadu sal-lum il-ġurnata jisma l-grillu jinġibed.”
Fis-seduta tal-bieraħ xehdu wkoll il-Kuntistabbli Adrian Zahra u l-Kuntistabbli Joseph Camilleri.
Matul l-istess seduta, l-Prosekuzzjoni ppreżent tliet ritratti li juru l-arma elevata minn fuq il-post dakinhar tal-inċident.
Il-każ ikompli jinstema’ nhar it-30 ta’ Ottubru.