Fil-qorti ilbieraħ kompliet tinstema’ x-xhieda fil-każ fil-konfront ta’ Alvin Pullicino ta’ sitta u għoxirin sena mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ oħt l-eks sieħba tiegħu li għandha tmienja u għoxrin sena u ta’ binha ta’ għaxar snin billi prova jaħraqhom f’karozza. Il-każ seħħ f’Ħaż-Żabbar aktar kmieni din is-sena.
L-Erbgħa filgħodu tat ix-xhieda tagħha oħt il-mara li kważi nħarqet ħajja li kienet waħda emozzjonali.
Ix-xhud qalet kif semgħet iben il-vittma ta’ għaxar snin jgħajjat biex iħallu lil ommu bi kwietha fl-isfond ta’ telefonata li fiha instemgħet il-vittma f’paniku kbir.
Pullicino u kuġinuh Gavin Spagnol ta’ wieħed u għoxrin sena baqgħu jinżammu arrestati wara li allegatament tefgħu petrol fuq il-mara u ppruvaw iqabbduha hekk kienet fil-karozza tagħha.
Fil-mument li semgħet l-għajjat, ix-xhud qalet li ftakret f’argument li l-vittma kellha ma’ Spagnol ftit tal-jiem qabel.
Ix-xhud saqet għal għand id-dar ta’ Camilleri u sabet lil oħtha quddiem id-dar f’riħa ta’ petrol.
Hija qalet li l-akkużati ma kinux fuq il-post meta waslet hi iżda stqarret li rat lighter fil-parapett u t-tap tal-fjuwil.
Il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Spagnol għal ħelsien mill-arrest – it-tielet waħda tiegħu – għar-raġuni li t-tifel ta’ għaxar snin ma kienx għadu xehed u l-akkużat kien għadu ta’ riskju għas-soċjetà.
It-tifel mistenni jixhed permezz ta’ filmat fis-seduta li jmiss.