Żagħżugħ ta’ 17-il sena ngħata sena u nofs ħabs sospiżi għal tliet snin. Dan wara li ammetta li bagħat theddid bl-uzu tal-midja soċjali Facebook lill-membru Parlamentari Marlene Farrugia.
L-istudent, li ismu mhux qed jixxandar hekk kif għadu taħt l-eta’, bagħtilha messaġġ fejn qalilha li jista’ jiġrilha kif ġara lill-blogger Daphne Caruana Galizia.
Fil-Qorti, flimkien ma’ membri mill-familja tiegħu, iż-żagħżugħ skuża ruħu u qal li jirtira d-diskors li hu kien qal.
Intant Farrugia sostniet li għalkemm mhux l-ewwel darba li waslulha messaġġi ta’ dan it-tip, din id-darba riedet tieħu azzjoni sabiex twassal messaġġ lil persuni li jiktbu dawn it-tip ta’ messaġġi. Dan sabiex jaħsbuha darbtejn qabel jgħidu xi ħaġa.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ordnat liż-żagħżugħ biex ma jagħmel l-ebda kuntatt ma’ Farrugia għal tliet snin.