Tfajla ta’ 30 sena miż-Żurrieq tilfet ħajjitha traġikament tard il-Ħamis filgħaxija wara li sfat imtajr f’inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xatt, il-Gżira.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja neqsin għoxrin meta t-tfajla ttajret minn vettura tal-għamla Nissan GTR li dak il-ħin kienet qiegħda tinstaq minn raġel ta’ 40 sena mis-Swieqi.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li mal-art kien hemm sinjal twil li ħallew warajhom il-marki tat-tyres tal-vettura li spiċċat bil-bonnett mgħattan u l-windscreen imfarrak.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei iżda hija tilfet ħajjitha ftit tal-ħin wara.
Kawża tal-inċident it-triq kellha tingħalaq għat-traffiku.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D. Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.