Il-Prim Ministru Joseph Muscat ddikjara li jaqbel mal-kummenti tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani li għandu jkun hemm investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Wieħed jara kif dan jista’ jsir, per eżempju permezz tal-Europol.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kummenti li ta lill-mezzi tax-xandir waqt il-Kunsill tal-Mexxejja Ewropej fi Brussel.
Dan wara li aktar kmieni llum Antonio Tajani qal li jista’ jkun hemm nies barranin involuti fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia u allura hemm bżonn aktar għajnuna fl-investigazzjoni.
“Aħna mhux se nieqfu quddiem ħadd u xejn biex insibu l-verità”, stqarr Dr Muscat.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-President tal-Parlament Ewropew Tajani qal li din l-investigazzjoni ulterjuri hija meħtieġa mhux għax hu m’għandux fiduċja fl-awtoritajiet u l-Pulizija Maltija, anzi s-Sur Tajani ddikjara fiduċja, iżda għax dan id-delitt imur lil hinn minn pajjiżna, possibbilment b’nies barranin involuti.
Dan id-delitt mhuwiex biss att kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia iżda huwa wkoll krimini kontra l-libertà tal-espressjoni u kontra l-istat Malti, saħaq Dr Muscat filwaqt li semma kif biex jinstabu n-nies wara dan id-delitt, il-Gvern qed iħares anke lejn metodi li forsi huma meqjusa bħala kontroversjali bħar-reward, dan sabiex fl-aħħar mill-aħħar toħroġ il-verità.
Dwar is-Summit tal-Mexxejja Ewropej il-Prim Ministru Muscat spjega kif matul il-ġurnata tal-lum id-diskussjoni kienet ibbażata l-aktar fuq l-immigrazzjoni b’enfasi fuq l-għajnuna li tingħata lill-pajjiżi Afrikani.
Fl-aħħarnett dwar il-kwistjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Dr Muscat stqarr li minkejja li s’issa għadhom ma bdewx id-diskussjonijiet, ma kien hemm l-ebda progress fuq il-materja.
Ritratt: Il-Prim Ministru Joseph Muscat jitkellem mal-mezzi tax-Xandir waqt is-Summit tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell.