Alfred Sant qal li s-soċjeta` Maltija hija magħuda b’għan wieħed – li jinstab min qatel lil ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia. Dan il-qtil jista’ jkun reat politiku, jista’ anki jkun reat kummerċjali jew għax hi kienet se tniedi investigazzjonijiet dwar drogi u traffikar tal-persuni. Imma jista’ jkun ukoll reat ta’ vendetta.
“Għalissa kull possibilita` hija miftuħa.” qal Dr Sant lil ġurnalista Caroline de Camaret f’intervista diretta ma’ France 24 f’
Dr Sant qal li dan huwa attakk brutali. Hu każ serju ħafna li influwenza kompletament il-burdata u d-drawwiet tal-Maltin li mhumiex imdorrijin b’reati ta’ dan it-tip.
“Din il-persuna kellha interess leġittimu f’dak li kienet tagħmel. L-investigazzjonijiet tagħha kienu b’saħħithom u ma kinitx tomgħod il-kliem. Dan l-aħħar attakkat il-Kap tal-Oppożizzjoni b’mod kemmxejn qawwi, li fl-opinjoni tiegħi kien ġej mill-istess partit li kienet tissimpatizza miegħu.”
“Is-Sinjura Caruana Galizia kienet personalita` popolari ħafna fil-ġurnaliżmu, kienet wettqet ħafna investigazzjonijiet, ftit minnhom ma kinux eżegwiti sew filwaqt li oħrajn saru bir-reqqa ħafna. Irnexxielha tinfiltra fiċ-ċrieki politiċi, kummerċjali u soċjali tas-soċjeta` l-aktar għolja u kitbet numru sostanzjali ta’ stejjer li dejqu lil ħafna nies. Huwa assolutament inaċċettabbli li persuna bħalha kellha fl-aħħar tintefa minħabba reat ta’ dan it-tip. Għamlet ħafna għedewwa, imma f’kull soċjeta` hemm bżonn nies bħalha li jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol.”
Mistoqsi dwar il-possibilita` ta’ involviment mill-Mafia fil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, Dr Sant qal li ma jeskludi xejn. “Il-ħasil tal-flus isir kullimkien, fl-Iżvizzera, f’Pariġi, u kullimkien. Mhux Malta biss hija marbuta mal-ħasil tal-flus. Is-sistema finanzjarja tagħna hija b’saħħitha ħafna, imfassla b’mod effettiv ħafna biex jitneħħew ċertu tip ta’ operazzjonijiet. Imma onestament, jekk ngħidu li dan ir-reat huwa relatat mal-ħasil tal-flus inkunu qed ngħaġġlu wisq. Għadu kmieni wisq biex wieħed joħroġ konklużjonijiet ta’ dan it-tip.” qal Dr Sant lil France 24
Dan il-qtil ixxokkja kompletament lis-soċjeta` Maltija, u reazzjoni hija meħtieġa. Il-Gvern Malti irreaġixxa billi talab l-għajnuna tas-servizzi investigattivi barranin, mill-Olanda u mill-Istati Uniti, biex tkun tista’ titwettaq investigazzjoni bir-reqqa ta’ dak li ġara, qal Dr Sant.