Illum se tkun qed issir l-awtopsa ta’ Daphne Caruana Galizia fejn apparti minn hekk fil-jiem li ġejjin għandhom isiru t-testijiet ballistiċi sabiex jikkonfermaw bi preċiżjoni il-materjal li bih inħadmet il-bomba li ħalliet mejta lill-blogger Daphne Caruana Galizia fil-jum tat-Tnejn.
L-ispekulazzjoni li teżisti bħalissa hija li din il-bomba setgħet kienet magħmula minn Semtex. Materjal li ma jinsabx għall-bejgħ fis-suq lokali, u allura seta ddaħħal illegalment.
F’intervista ma’ ONE NEWS fil-jum tat-Tlieta, l-eks Brigadier Maurice Calleja rrimarka li s-Semtex kien jintuża fil-passat f’pajjiżna.
Dawn it-testijiet ballistiċi bla dubbju se jkunu parti kruċjali mill-investigazzjoni li għaddeja fuq id-delitt ta’ Caruana Galizia.
Ġisem Caruana Galizia tneħħa minn fuq ix-xena tar-reat fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, wara li tħalla fuq il-post minn meta seħħ id-delitt u kien stabbiliet li spiċċa f’ħames biċċiet.
It-temp sabiħ li kkaraterizza l-jum tal-Erbgħa għamilha iktar faċli lill-esperti forensiċi sabiex jaħdmu bil-kumdita.
Lebsin l-ilbies abjad, huma komplew josservaw diversi bnadi tal-madwar, fosthom il-parti tat-triq fejn seħħet l-ewwel splużjoni u l-għalqa li tinsab quddiem dik li fiha spiċċat il-maġġor parti tal-karozza li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia.
Ix-xena tar-reat inqasmet f’diversi partijiet sabiex l-istess esperti jkunu jistgħu jaħdmu aħjar filwaqt li jistgħu jirreferu għal żoni speċfiċi faċilment.
Il-fdalijiet tal-Peugeot 108 kienu għadhom fuq il-post, flimkien mat-tinda li nbniet madwar il-parti l-kbira tal-istruttura tal-karozza li baqgħet magħquda.
Dan filwaqt li Triq il-Bidnija baqgħet magħluqa għat-traffiku, bl-unika vetturi li setgħu jgħaddu kienu dawk tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta.
B’kuntrarju għal dak li seħħ fil-jum tat-Tlieta, ftit li xejn kien hemm moviment fl-istess triq, u għaldaqstant, l-esperti forensiċi setgħu jaħdmu fil-kwiet hekk kif il-ħsejjes kienu minimi ħafna.
L-istennija issa hija għal wasla tal-esperti mill-Federal Bureu of Investigation. L-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Anthony Vella.