Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li kien biss l-Erbgħa waranofsinhar li sar jaf dwar messaġġi b’theddid ta’ mewt li rċeviet il-blogger Daphne Caruana Galizia minn nies qrib tiegħu f’chat privata fuq Whatsapp. Iffaċċjat minn ġuranlist tar-RAI bl-akkużi serji li għamlet kontrih Caruana Galizia u b’bosta messaġġi ta’ theddid li saru fil-konfront tagħha, Delia qal li ma kienx jaf bihom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma kienx jaf bil-messaġġi ta’ theddid li kienet qed tirċievi l-blogger Daphne Caruana Galizia min-nies qrib tiegħu ftit ġimgħat qabel inqatlet.
Delia għamel din id-dikjarazzjoni meta ffaċċjat b’dawn il-messaġġi minn ġuranlist tar-RAI. Il-messaġġi miżgħuda b’theddid fosthom dak ta’ mewt ġew ippubblikati minn Caruana Galizia fuq il-blogg tagħha fl-aħħar xhur.
F’servizz estensiv tal-aħbarijiet, TG1 irrapporta li dan l-aħħar, Caruana Galizia bdiet tikteb dwar traffikar ta’ drogi, traffikar ta’ żejt bil-kuntrabnadu u ta’ bnedmin. Qal li dawn jistgħu jkunu l-motivi li wasslu għall-qtil ta’ Caruana Galizia t-Tnejn waranofsinhar permezz ta’ bomba li tpoġġiet mal-karozza tagħha fil-Bidnija.
Jingħad li f’dawn l-aħħar xhur, Caruana Galizia bdiet tirċievi ħafna theddid. Il-ġurnalist tar-Rai jirrapporta li ftit anqas minn xahar ilu, fuq il-blog tagħha Caruana Galizia ppubblikat chat li fiha ħassistha mhedda u li hija stess attribwiet dak it-theddid għal persuni li kienu qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Viżibbilmenet skomdu, meta ffaċċjat b’dawn il-messaġġi ta’ theddid li saru minn nies qrib tiegħu fl-uffiċċju tiegħu f’Tal-Pietà, Delia qal li ma kienx jaf min huma dawn in-nies li kienu qegħdin jappoġġjawh.
Kien hawn li l-ġurnalist tar-RAI irramarka li fost l-aħħar blogs li tellgħet Caruana Galizia kellhom x’jaqsmu miegħu fosthom dwar it-traffikar tad-droga b’Delia jiċħad l-akkużi u jgħid fetaħ proċeduri kontri l-blogger fil-Qrati Maltin.
B’reazzjoni, il-ġurnalista tar-Rai rrimarka li dan kien fost ruxmata libelli li Delia fetaħ kontra Caruana Galiza li issa ma tistax tmur tiddefendi lilha nnifsiha kontra l-libelli li fetħilha għax x’aktarx xi ħadd minn barra minn Malta waqqafha qabel jibdew jinstemgħu dawn il-proċeduri bi splussiv. Proċeduri legali li twaqqgħu minn Delia l-għada tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.