L-Awtoritajiet Taljani ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ żewġ Maltin, Taljan u Libjan b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ traffikar ta’ fjuwil tal-kutrabandu mil-Libja.
Is-suspettati Maltin huma l-eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Gordon Debono, bil-prosekutur jgħid li kienu huma li organizzaw it-trasport bil-baħar ta’ dan il-fjuwil permezz ta’ kumpaniji involuti f’negozju illeċtu.
Dan iż-żejt b’valur ta’ tletin miljun ewro kien qed jiġi ttrasportat bil-baħar lejn l-Italja u pajjiżi oħra Ewropej.
L-awtoritajiet għaddejjin bit-tfittxija għal xi persuni oħra, Libjani li allegatament kienu kompliċi fis-serq u l-kuntrabandu taż-żejt.
L-operazzjoni qed jintqal li kienet tinvolvi aktar minn tletin vjaġġ biex jittrasportaw aktar minn tmenin miljun kilogramma ta’ gasoil għall-valur ta’ tletin miljun ewro.
Qed ikun irrapurtat li din l-attività kriminali kienet qed titmexxa minn Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa, deskritt bħala wieħed mill-iżjed mexxejja b’saħħithom tal-milizzji Libjani assoċjati mal-ISIS.