Iż-żieda fl-impjiegi fl-aħħar snin wasslet biex pajjiżna qiegħed joqrob ferm lejn il-miri Ewropej għas-sena elfejn u għoxrin.
Fil-fatt fl-elfejn u sittax, ir-rata ta’ impjiegi kienet ta’ disgħa u sittin punt sitta fil-mija, żero punt erbgħa fil-mija mill-mira Ewropea għal pajjiżna.
Tikkonferma dan informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Statistika li tindika kif is-settur tas-servizzi kien dak li kkontribwixxa l-iktar fir-rata ta’ impjiegi bejn l-elfejn u tnax, u l-elfejn u sittax.
Żieda li kienet innutata b’mod partikolari fin-numru ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol, fejn kien hemm titjib ta’ sitta fil-mija. Biex b’hekk qed tkompli tingħalaq ’l hekk imsejħa gender gap.
Biex kollox ma’ kollox, ir-rata ta’ qgħad skont l-NSO fl-elfejn u sittax kienet ta’ erbgħa punt sebgħa fil-mija, ferm ’l isfel mill-medja ewropea ta’ tmienja punt sitta fil-mija.
Fl-istess waqt, ir-rata ta’ żgħażagħ bejn is-sittax u l-erbgħa u għoxrin sena li ma kinux f’impjieg, edukazzjoni, jew taħriġ, niżel għal tmienja punt erbgħa fil-mija. ’L isfel mill-medja Ewropea ta’ ħdax punt ħamsa fil-mija.
Dwar ir-rata ta’ tfal li jieqfu mill-iskola qabel il-waqt pajjiżna ra’ tnaqqis ta’ wieħed punt erbgħa fil-mija fuq medda ta’ ħames snin. Riżultat pożittiv li minkejja kollox iżomm lil pajjiżna ’l fuq mill-medja ewropea u l-miri ewropej għas-sena elfejn u għoxrin.
Intant ir-rata ta’ persuni bejn it-tletin u l-erbgħa u tletin sena b’livell terzjarju t’edukazzjoni tela’ għal kważi tletin fil-mija, bil-mira għall-elfejn u għoxrin tkun dik ta’ tlieta u tletin fil-mija.
Ilkoll ċaqliq pożittivi li juru li pajjiżna qed jimxi ’l quddiem. Fejn filwaqt li f’uħud mill-aspetti Malta qed taħdem biex tilħaq mal-miri Ewropej għal pajjiżna, f’oħrajn huwa eżempju ċar ta’ suċċess li qed iseħħ.