Il-ġurnal awtorevoli Taljan La Repubblica rrapporta li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jikkonċentraw fost oħrajn dwar ir-rabtiet mad-dinja kriminali b’mod partikolari t-traffikar tad-droga.
Il-ġurnal irrapporta li fl-aħħar xhur Daphne Caruana Galizia biddlet l-obbjettiv tagħha u bdiet titkellem dwar it-traffikar tad-droga u r-rabtiet li kellu ċertu Andre Falzon, magħruf bħala id-Diesel, flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. La Republica tirrapporta li Delia nnifsu kien proprju fil-mira ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li fis-26 ta’ Awwissu li għadda, Carauna Galizia rrapportat ir-rabtiet li Delia kellu ma’ ċittadini Maltin, fosthom ċertu Emanuel Lolly Bajada f’Soho f’Londra, li allegatment huwa proprjetarju ta’ binja li tinkera għall-prostituzzjoni.
La Republica tgħid li skont l-akkużi ta’ Caruana Galizia, Bajada, għadda miljun dollaru f’kont bankarju li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kellu fil-Barclays International Bank f’Jersey. La Republica tgħid li Delia ċaħad din l-allegazzjoni iżda li n-nies ta’ madwaru ma ħaduhiex tajjeb.
Fil-fatt issemmi li fi gruppi fil-WhatsApp ta’ wħud mis-sostenituri ta’ Adrian Delia, kienu qed iduru messaġġi dwar il-mewt ta’ Daphne, bħalma rrapportat il-blogger innifisha meta fuq il-blogg tagħha tellgħet għexieren ta’ screen shots li kienu juru t-theddid li bdiet tirċievi minn dawn in-nies fosthom wieħed li jgħid “trid tmut” u ieħor jgħid “l-uniku strument li għandna hu li noqtulha” u espressonijiet oħrajn ta’ dan it-tip.
F’intervista li xxandret fuq l-istess ġurnal, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Daphne Caruana Galizia kienet l-akbar avvesarju tiegħu, iżda saħaq li se jaħdem biex isib min qatilha.
Huwa inaċċettabli f’pajjiż bħalma hu Malta li xi ħadd imut għax qed jagħmel xogħlu. Muscat qal li x’aktarx Caruana Galizia kienet l-avversarja ewlenija tiegħu. Semma kif kienet tattakkah sa minn meta kien kap tal-oppożizzjoni izda qal li dak kien xogħolha; u saħaq li dak li ġara huwa inaċċettabbli u kien għalhekk li l-Gvern Malti talab l-għajnuna tal-FBI u ta’ servizzi tas-sigurtà Ewropej biex il-verità toħroġ mill-aktar fis possibbli u ssir ġustizzja.
Meta mistoqsi, il-Prim Ministru saħaq li jkun irresponsabbli jekk jitkellem dwar x’jaħseb li hu l-motiv wara l-qtil ta’ Caruana Galizia. Qal li l-aktar ħaġa faċli għalih hu li jippunta subgħajh lejn l-Oppożizzjoni, li l-kap tagħha kien fil-mira ta’ Daphne Caruana Galizia f’dawn l-aħħar erba’ xhur; iżda xogħlu hu li jagħti r-riżorsi kollha neċessarji lill-investigaturi Maltin u barranin biex f’qasir żmien isolvu dan id-delitt.
Hawnhekk Muscat appella lill-pajjiżi Ewropej għall-għajnuna tagħhom. Qal li f’dan id-delitt ma nqatlitx biss ġurnalista Maltija iżda anke Ewropea. Saħaq li pajjiżna għandu bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd anke għaliex parti kbira minn din l-istorja għandha x’taqsam m’affarijiet lil’hinn minn xtutna.