Għasfur kbir iswed u b’munqar kbir magħruf bħala Velleran intlemaħ għall-ewwel darba f’Malta l-Ħadd waranofsinhar f’Ta’ Qali.
Skont records miżmuma mill-ornitoloġista Natalino Fenech, din kienet l-ewwel wasla f’Malta ta’ dan l-ispeċi li huwa fil-periklu li ma jibqax jeżisti. Il-Velleran li tar lejn Malta huwa wieħed minn ħmistax fi programm ta’ ri-introduzzjoni li sar fit-Tramuntana tal-Italja.
Fi stqarrija, Kaċċaturi San Umbertu qalu li kienu bosta li osservaw dan l-għasfur f’pajjiżna fosthom, il-fotografu Mark Zammit Cordina li rnexxielu jiġbed ritratt tiegħu. Huma appellaw lill-pubbliku biex iżomm għajnejh miftuħa fuq dan l-għasfur li niżel f’Ta’ Qali fejn għadu mgħasses minn bosta persuni u pulizija tal-ALE.
L-għasfur diġà vvjaġġa ’l fuq minn 1,500 kilometru mit-Tramuntana tal-Italja bl-għaqda tal-kaċċaturi titlob lill-pubbliku josserva l-għasfur minn distanza xierqa mingħajr ma jiġi ddisturbat, ħalli jkompli bit-triq tiegħu lejn in-Nofsinhar.