Mixja sabiex tiġi ċċelebrata l-White Cane Day | One News

Notifiki

Mixja sabiex tiġi ċċelebrata l-White Cane Day

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda mixja organizzata mill-Għaqda Maltija ta’ Persuni Neqsin mid-Dawl sabiex tiġi ċċelebrata l-White Cane Day.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis faħħar l-impenn tal-Għaqda Maltija ta’ Persuni Neqsin mid-Dawl li taħdem kontinwament f’dan il-qasam daqshekk importanti. Din hija għaqda volontarja ta’ madwar 100 membru u l-għan tagħha huwa li tipprovdi assistenza lill-membri tagħha jew persuni oħra neqsin mid-dawl f’pajjiżna.

Nhar il-Ħadd, madwar id-dinja, tiġi ċċelebrata l-White Cane Day u għalhekk l-Għaqda Maltija ta’ Persuni Neqsin mid-Dawl organizzat din il-mixja simbolika sabiex flimkien mal-membri tagħha, il-pubbliku preżenti, u għaqdiet volontarji oħra, twassal messaġġ importanti fil-Belt kapitali. Dan il-messaġġ twassal bl-għan li tiżdied il-kuxjenza fuq kif kull individwu għandu jkollu aċċess ugwali, opportunitajiet ugwali, u rispett ugwali.

Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna li l-Gvern qiegħed jaħdem sabiex kull individwu jkollu dritt għal opportunitajiet varji li jsaħħu d-dinjità tiegħu. Huwa saħaq fuq l-importanza li kulħadd fis-soċjetà jirrispetta lil u jkun ta’ spalla għal għajru. Huwa jemmen li kull persuna għandha ħafna kapaċitajiet u għandha jkollha l-opportunitajiet sabiex tiżviluppahom u ssarrafhom fis-soċjetà Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend