L-għoxrin siegħa li ġejjin se jkunu sigħat ta’ pressjoni kbira fil-Partit Nazzjonalista.
Dan meta dawk ta’ madwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, se jagħmlu l-aħħar sforz biex jipprovaw li l-elezzjoni tal-Viċi-Kapijiet ma tkunx ikkontestata.
Il-ħsieb hu li Chris Said jieħu l-kariga ta’ Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u Alex Perici Calascione jkun Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit.
Iżda, biex isir dan hemm persuni li jridu jirtiraw il-kandidatura u oħrajn li ma jitfgħuhiex.
Sa issa Robert Arrigo webbes rasu u tefa’ n-nomina għall-Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Partit anke jekk Adrian Delia talbu mod ieħor.
Il-kandidat għal din il-kariga min-naħa ta’ Delia hu Cylde Puli. Iżda, hemm min qed jemmen li Puli mhux se jirbaħ lil Arrigo u għalhekk ta’ madwar Delia qed jikkonsidraw lil Alex Perici Calascione.
Qed jargumentaw li jekk Perici Calascione jsir Viċi-Kap jintbagħat messaġġ ta’ għaqda.
Iżda, dan hu diffiċli ħafna għax Arrigo ma jridx iċedi anke jekk kien imwiegħed affarijiet oħra.
Minn naħa l-oħra qed tibqa’ pressjoni fuq David Agius biex jirtira u jidħol minfloku Chris Said.
David Agius baqa’ jiġbor in-nomini u bi sfida l-grupp ta’ Chris Said tefa’ n-nomina Edwin Vassallo li għamilha ċara li jirtira jekk Chris Said jitħalla jtellaq waħdu. Iżda, ta’ madwar Delia jemmnu li hemm iktar ċans jikkuntentaw b’xi ħaġa lil David Agius.