Waqt konferenza tal-aħbarijet fil-Kottonera Sport Complex, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq kif dan hu budget li se jkompli jkabbar l-oqsma tal-isport, taż-żgħażagħ, kif ukoll il-qasam tal-għaqdiet tal-volontarjat.
Fil-qasam tal-isport kellna diversi kisbiet, fosthom żieda fil-parteċipanti fil-programmi tas-sajf, żieda fin-numru ta’ coaches, ġew offruti iktar programmi għall-anzjani, u ġew rinovati diversi siti ta’ infrastruttura bħall-pixxina nazzjonali, il-padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali, kif ukoll il-Lotta Facility fin-Naxxar.
Clifton Grima saħaq li minħabba ż-żieda fil-vot tal-kapital se nkunu nistgħu nwettqu iżjed proġetti fil-qasam tal-isport. Kif ġie mwiegħed mill-Gvern se jsir ir-resurfacing tat-telgħa tal-Imtahleb b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro, u din is-sena bdejna l-ewwel fażi tal-proġett tas-shooting range ġewwa Ta’ Kandja, li se tkun lesta biex tospita f’Malta l-Kampjonat Dinji tal-Isparar f’Ġunju li ġej.
Proġetti oħrajn jinkludu dak fis-sit ta’ Maria Assunta b’investiment ta’ madwar miljun ewro, fejn ser ikunu qed jitlestew l-ewwel fażijiet ta’ snooker hall u handball court, filwaqt li l-komunità ta’ Marsaskala se tkun qed tibbenefika mix-xogħol li se jitlesta fuq il-football pitch b’investiment ta’ madwar żewġ miljun u nofs ewro.
L-għaqdiet sportivi tal-għawm u l-waterpolo ser igwadu minn investiment ta’ nofs miljun ewro hekk kif l-isquash courts tal-Pixxina Nazzjonali se jkunu mgħammra bl-arja kkundizjonata u riserva tal-ilma.
Is-Segretarju Parlamentari tkellem ukoll dwar il-clubs u għaqdiet sportivi li, wara konsultazzjoni pubblika rigward l-emendi fil-liġi, issa ser ikollhom aktar serħan il-moħħ dwar dħul finanzjarju aktar b’saħħtu, u dawn se jgawdu wkoll minn tisħiħ fit-titlu legali li huma diġà jgawdu. Apparti dan, ser titwaqqaf Commercial Sports Facilities Commission biex tara u tissorvelja li ma jsirx abbuż mill-għaqdiet sportivi.
Filwaqt li se nkomplu nsaħħu l-programmi eżistenti għaż-żgħażagħ, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li se tissokta l-ħidma favur iż-żgħażagħ permezz tal-iskema ‘Get Into’. Din il-ħidma, li se tikkumplimenta l-Prince’s Trust XL Programme, se toffri lil dawn iż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu esperjenza fuq il-post tax-xogħol waqt li jkomplu jitħarrġu, u tkompli ssaħħilhom l-impjegabbiltà tagħhom.
Dan il-Gvern dejjem emmen bis-sħiħ fil-valur tas-settur volontarju u sa mill-ewwel leġiżlatura ħadem bis-sħiħ sabiex jara lil dan is-settur jissaħħaħ u jimxi ’l quddiem. Matul din is-sena se jkunu qed jiġu mressqa l-emendi għal-Liġi tal-Volontarjat li kienet daħlet fis-seħħ fl-2007 fil-Parlament.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li dan kollu se jseħħ hekk kif budget wara l-ieħor kien ħolqa ta’ pjan fiskali, ekonomiku, u soċjali li ħoloq il-ġid u qassmu biex jilħaq lil kulħadd. Permezz ta’ dan se nkunu qed nibdew inlestu Malta għall-futur.