- 279.7 sigħat ta’ xemx idawlu x-xahar ta’ Settembru
- L-ogħla temperatura tax-xahar tilħaq il-31.7°C
- Imkejjel total ta’ 43.8 mm ta’ xita
Hekk kif deħlin sew fil-ħarifa u qegħdin nadattaw għat-temp aktar frisk li ġabet magħha, hawn ħarsa lejn it-temp li kkaratterizza lil Settembru u x-xhur tas-sajf. Settembru beda fuq nota mdawla, bl-ewwel jum tax-xahar igawdi minn xejn anqas minn 11.4 sigħat ta’ xemx.
Min-naħa l-oħra, it-8 ta’ Settembru kienet l-aktar ġurnata griża tax-xahar u li ntlaqtet minn riħ qawwi. Fil-fatt, dakinhar, ix-xemx ħarġet għal ftit anqas minn tliet sigħat u ġiet osservata wkoll buffura massima ta’ riħ li kienet qed tonfoħ mit-Tramuntana b’veloċità ta’ 37 knot. Barra minn hekk, f’dan il-jum, niżel ammont sostanzjali ta’ xita b’rata ta’ 36.1 mm fis-siegħa u li finalment laħħaq total ta’ 20.4 mm. L-akbar ammont imbagħad niżel fl-24 tax-xahar, meta ġew imkejlin 20.6 mm ta’ xita mit-total għax-xahar ta’ Settembru ta’ 43.8 mm. Kemm fit-8 u kemm fl-24 tax-xahar, ix-xita kienet akkumpanjata mir-ragħad. Min-naħa l-oħra, ir-rekords meteoroloġiċi juru li Settembru kellu wkoll bosta ġranet xemxin u temperaturi għoljin.
Fil-fatt, tul ix-xahar li għadda x-xemx ħarġet għal total ta’ 279.7 sigħat, bl-aktar jiem imdawlin – l-1 u t-13 tax-xahar – igawdu minn 11.4 sigħat ta’ xemx. It-temperatura medja tal-arja ta’ Settembru ta’ 25.7°C niżlet bi tliet gradi minn dik ta’ Awwissu. Minkejja dan, fis-16 tax-xahar, it-temperatura laħqet massimu ta’ 31.7°C. Min-naħa l-oħra, l-aktar temperatura baxxa ta’ 16.7°C ġiet irreġistrata fil-21 ta’ Settembru.
Id-data meteoroloġika turi li l-ogħla temperatura għas-sajf li għadda kienet ta’ 38.7°C u ntlaħqet f’Lulju, filwaqt li l-aktar temperatura baxxa għall-istaġun kienet ta’ 6.6°C u ġiet irreġstrata f’Ġunju. Barra minn hekk, is-sajf li għadda kien aktar sħun minn dak ta’ qablu, b’temperatura medja tal-arja li kienet 1.3°C ogħla mill-medja tassajf tal-2016 ta’ 25.6°C. Ix-xhur tas-sajf li għadda gawdew minn medja ta’ 330.8 sigħat ta’ xemx, liema medja kienet ogħla minn dik tas-sajf ta’ qabel ta’ 313-il siegħa.