L-Awditur Ġenerali kkonferma li kien hemm involviment potiku fl-iskandlu tat-trasferiment ta’ art fi Spinola taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Waqt li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, l-Awditur Ġenerali enfasizza li meta l-uffiċċju tiegħu investiga dan il-każ, sab li kien hemm nuqqas ta’ dokumenti waqt li saħaq li kellha tintrefa’ r-responsabbiltà ministerjali. Bħal fil-każ tal-investigazzjoni li saret fuq il-kuntratt korrott tal-power station tal-BWSC, l-Awditur ikkonkluda li f’dan il-każ ukoll instab li kien hemm id-duħħan iżda ma nstabx in-nar.
Huwa żied jgħid li l-affarijiet ma jafx jekk ġrawx b’kumbinazzjoni jew apposta waqt li ddikjara li ma jafx kif art li kienet tagħmel parti mill-foreshore spiċċat ingħaqdet mal-art tal-uffiċċju konġunt.
L-investigazzjoni tal-Awditura sabet li l-proprjetà tal-Gvern li kienet tiswa’ ftit anqas minn żewġ miljun u nofs ewro inbiegħet għal ftit aktar minn ħames mitt elef ewro.
Fl-investigazzjoni li saret irriżulta li l-iżvluppaturi mhux talli tħallew jużaw l-art abbużivament, iżda ngħataw skont qawwi fuq il-valur oriġinali tal-art. Dan fi żmien li l-ex ministru Jason Azzopardi kien ministru respnsabbli tal-artijiet.
Fil-fatt l-art mhux talli tħalliet u nxtart mill-istess sidien li abbużaw minnha, iżda ix-xiri sar mingħajr sejħa għall-offerti u ingħatatilhom konċessjoni biex is-somma baxxa li biha xtraw l-art titħallas f’ħames snin