Id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Therese Commodini Cachia qed tattakka b’mod voċiferu l-mozzjoni li ressaq fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista, biex tbiddel avviż legali li ta’ mitt siegħa leave għal kull min jieħu t-trattament tal-IVF.
Dritt li ngħata inkluż lil nisa li dan it-trattament ikunu għamluh barra minn pajjiżna għax il-liġi kif inhi pajjiżna ma tippermetihix.
Filwaqt li qalet li tittama li Adrian Delia jagħti vot ħieles, l-avukat u deputat Nazzjonalista nnotat kif min imur għat-trattament barra minn Malta jkun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli. U dik li daħħal il-Gvern hi miżura ta’ ġustizzja soċjali.
F’kummenti mat-Times of Malta indikat li hi mhix waħedha, għalkemm sostniet li tinsab f’minoranza fil-grupp parlamentari. Minoranza ta’ deputati li qed jargumentaw favur l-avviż legali u kontra l-mozzjoni ta’ Adrian Delia .
“Kif nista’ jien bħal kelliem għax-xogħol inkun kontra miżura li tissalvagwardja s-saħħa tal-ħaddiem,” qalet mat-Times of Malta, Therese Commodini Cachia.
Il-Ħadd li għadda Delia kien voċiferu ħafna kontra l-pass li ħa l-Gvern. Dan ftit tal-jiem wara għamel ċara l-intenzjoni tiegħu li jimminah b’mozzjoni fil-Parlament iffirmata minn David Agius u Stephen Spiteri.
Għax skont Delia l-Gvern qed jgħin lil min jikser il-liġi meta jgħin lil min jagħmel IVF barra l-pajjiż.
Iżda, Commodini Cachia ma qablitx mal-argument legali tant li sostniet li l-persuni mgħejjuna qed jieħdu trattament skont il-liġi tal-pajjiż li jmorru fih. Id-deputat Nazzjonalista kompliet iġġib iktar argumenti kontra l-ħsieb ta’ Adrian Delia li huwa appoġġjat ferm mis-sezzjoni konservattiva tal-Partit Nazzjonalista.
Il-pożizzjoni ta’ Delia kienet ikkritikata wkoll mill-Malta Gay Rights Movement li ddeskrivita bħala falza u diskriminatorja.